Grazzi President George Vella u Sinjura Vella tal-impenn tagħkom. Il-poplu Malti japprezza u jirrikonixxi ħidmietkom.

Il-festa ta’ San Girgor tigi ċċelebrata l-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid. Hija festa bi tradizzjoni antika ħafna u li għandħa rabta kbira maż-Żejtun. Għall-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella, it-tnejn miż-Żejtun żgur li jafu sewwa din il-festa iżda din is-sena, il-festa ta’ San Girgor tfisser xi ħaġa kompletament differenti minn kull festa ta’ San Girgor tas-snin ta’ qabel.

Kellu jaħbat li l-aħħar jum tal-Presidenża tal-President Vella kellħa tinzerta din il-festa. Kumbinazzjoni kbira li President miż-Żejtun kellħa tinzerta din il-festa bħala l-aħħar waħda fit-terminu tal-presidenża tiegħu.

Lill-President Vella sirt nafu lura fis-snin disgħin meta bdejt l-attiviżmu tiegħi fi ħdan il-Partit Laburista. Kien iż-żmien li fih kien serva bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u bħala Deputat Prim MInistru. Dejjem kien jolqotni bil-mod kif kien iwassal il-fehmiet tiegħu speċjalment fil-ħila tad-diskorsi tiegħu. Diskorsi studjati u li kien jiżgura li jwassal il-feħmiet tiegħu anke dwar suġġetti ta’ kumplessità imma b’mod li jara li jifħmu kulħadd.

Kliemu u l-analiżi tal-mod kif kien jitratta l-affarijiet huma xhieda tal-fatt li suġġett ikun riċerkat estensivament u li huwa persuna kolt dwar diversi suġġetti u temi l-aktar fejn kienu jidħlu kwistjonijiet ta affarijiet barranin.

Fil-presidenza Vella twettqet ħidma f’diversi oqsma imma kienet wkoll faċċjata minn diversi sfidi. Sfidi marbuta ma sitwazzjonijiet politiċi f’pajjiżna kif wkoll marbuta mal-pandemija. Żgur li l-pandemija biddlet il-pjani tal-presidenza minn diversi aspetti bħalma bidlet il-prioirtajiet tas-soċjetà kollħa.

Huwa fatt li dan bl-ebda mod ma naqqas l-impenn tal-Presidenza Vella fil-ħidma li twettqet biex permezz tal-Malta Community Chest Fund tibqa’ tingħata għajnuna estensiva lil bosta persuni li jiġu fil-bżonn ta’ assistenza. Kienu bosta l-okkażjonijiet anke riċenti l-Presidnet Vella, li huwa tabib,  kien ta’ spalla anke bil-preżenza barra minn Malta ta’ pazjenti Maltin.

Mal-President Vella kelli l-opportunità li nżur il-Latvja u l-Awstralja fi żjarat uffiċjali tiegħu. Fiż-żewġ okkażjonijiet osservajt il-ħidma tiegħu biex jgħolli isem Malta u l-għarfien sħiħ tiegħu biex jissaħħu relazzjonijiet bejn pajjiżna u pajjiżi oħra kemm fl-Unjoni Ewropeja u lil hinn.

Iż-żjara fl-Awstralja kienet aktar emozzjonali partikolarment fil-laqgħat li kellna mal-kommunità Maltija fl-ibliet li żorna. Il-messaġġ li kien iwassal il-President lil ħutna Maltin kien wieħed li Malta għadha tgħożż lil uliedha li fi snin imgħoddija kellhom jitilqu lejn art imbegħda minħabba ċ-ċirkostanżi ta’ pajjiżna f’dak iż-żmien.

Nistqarr li punt li kien isemmi b’mod b’saħħtu hija l-ħtiega li fost l-emigranti u d-dixxendenti tagħħom jibqa’ jigi sostnut it-tagħlim tal-Malti. Il-lingwa Maltija hija distintiv li tagħtina identità bħala nazzjon u bħala poplu u għalħekk il-ħtieġa li l-Malti u t-tagħlim tiegħu jibqgħu preżenti fost il-Maltin barra minn xtutna.

It-tmiem ta’ Presidenza ifisser tmiem ta’ ħidma fl-għola kariga ta’ pajjiżna. Pajjiżna, li din is-sena iċċelebra 45 sena mill-Ħelsien, se jiċċelebra 20 sena minn sħubija fl-Unjoni Ewoprea, sittin sena mill-Indipendenża u ħamsin sena mill-kisba ta’ Malta Repubblika. Qabel ħamsin sena ilu, kienet għadha biss ħolma li pajjiżna ikolllu Kap tal-Istat Malti. Pajjiżna tul l-aħħar snin mexa passi kbar ‘il quddiem u din is-sena fil-ħatra tal-President il-ġdid ħaddimna għall-ewwel darba providementi tal-kostituzzjoni riżultat ta’ riformi li twettqu biex il-qafas kostituzzjonali tagħna jibqa’ jiġġedded.

Pajjiżna irid jibqa’ jħares ‘l quddiem u jibqa’ jimxi ‘l quddiem anke bl-impenn ta’ min jokkupa karigi importanti f’pajjiżna b’żelu, dehen u b’rispett sħiħ lejn Malta u l-poplu Malti.

Grazzi President George Vella u Sinjura Vella tal-impenn tagħkom. Il-poplu Malti japprezza u jirrikonixxi ħidmietkom.