Hekk stqarret li trid li tibqa’ magħrufa l-presidenza tagħha, n-Nutara Myriam Spiteri Debono fl-ewwel diskors uffiċjali tagħha hekk kif ħadet il-ġurament tal-ħatra bħala l-11-il President tar-Repubblika ta’ Malta. Min bħali jaf mill-qrib lil Dr Spiteri Debono u jaf kemm dejjem kellha għal qalbha l-interess ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta, ma jibqagħlu l-ebda dubju li l-President il-ġdid ser jirnexxielha tilħaq dan il-għan tagħha li tul il-presidenza, tkun qrib in-nies u taħdem qatigħ favur in-nies.

Id-diskors tal-President Spiteri Debono fassal miri importanti li rridu naħdmu għalihom.

Id-diskors inawgurali tal-President Spiteri Debono juri l-importanza tal-għaqda fil-pajjiż u kemm l-appelli tagħha għall-kunsens bejn il-partiti ewlenin, partikolarment fuq il-ħtieġa ta’ aktar riformi kostituzzjonali huma appelli ġenwini mnebbħa mill-imħabba profonda tagħha lejn pajjiżna. Hija fakkret kif kull meta kien hemm djalogu serju bejn il-forzi politiċi ewlenin fil-pajjiż, b’ħidma u dedikazzjoni nstab il-kompromess bħal meta ġiet maqbula il-Kostituzzjoni tar-Repubblika u anke r-riformi ta’ l-aħħar snin fosthom dik li permezz tagħha hija nħatret bħala President wara l-vot unanimu fil-Kamra tad-Deputati.

Il-President Spiteri Debono tassew misset punt importanti meta saħħqet fuq il-ħtieġa li l-poplu jkattar il-fiduċja f’xulxin u fl-amministrazzjoni pubblika. Hija appellat lill-persuni involuti fil-politika biex jaraw li ma jkunux huma stess il-kaġun illi jnisslu apatija fost in-nies lejn il-politika. Hija wriet it-tħassib tagħha li jekk din is-sitwazzjoni mhux ser tkun indirizzata jista’ jasal iż-żmien li l-pajjiż ikun nieqes minn mexxejja minn fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum. Hija wriet il-fiduċja tagħha fil-ġenerazzjoni żagħżugħa u sellmet lil dawk il-politiċi żgħażagħ li jinsabu fil-Kunsilli Lokali u fil-Kamra tad-Deputati. Il-President Spiteri Debono saħqet li biex titkattar il-fiduċja, jeħtieġ li jissaħħu u l-organi u l-istituzzjonijiet tal-Istat, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-forzi taż-żamma u tal-ordni.

Kienet tassew f’waqtha l-istqarrija tal-President Spiteri Debono li l-missjoni ta’ Malta barra li hija dikjarata bħala stat newtrali fil-Kostituzzjoni tagħna, għandna wkoll il-missjoni li bħala stat, Malta trid  attivament tilħaq il-paci, is-sigurta u l-progress soċjali fost il-ġnus kollha. Hija wriet ix-xewqa tagħha li n-Nazzjonijiet Uniti tkun forza b’aktar snin fejn tidħol il-paċi għaliex ħasset li f’dan il-qasam, din l-organizazzjoni dinjija qed tkun dgħajjfa. Fi żmien meta qed nerġgħu naraw titħeġġeġ il-ġirja favur l-armamenti hija wriet il-preokkupazzjoni tagħha li l-gwerer u l-konflitti armati jistgħu biss iwasslu għall-qerda tal-umanita.

Il-messaġġ tal-President Spiteri Debono għall-integrazzjoni fejn jidħlu ħaddiema barranin fosthom kien ukoll wieħed b’saħħtu. Hija fakkret fl-iżvilupp ekonomiku li se seħħ f’pajjiżna minn meta kellna rajna f’idejna. Dan ġab bidla minn pajjiż li kien ibati b’nuqqas ta’ xogħol b’eluf ta’ nies jemigraw minn Malta, għal wieħed li qed ikollu jilqa’ fi ħdanu ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi li m’għandhomx il-prosperita li qed ingawdu f’pajjiżna llum. Kien tassew sinċier l-appell tagħha biex il-Maltin mhux biss sempliċiment jittolleraw lil dawn il-barranin għaliex il-pajjiż għandu bżonnhom imma jimxu b’rispett magħhom u jifhmuhom.

Il-President Spiteri Debono fid-diskors tagħha wriet l-imħabba tagħha lejn l-edukazzjoni tat-tfal tagħna u l-ħtieġa li nrawwmu fihom l-imħabba lejn Malta pajjiżna. Ħeġġet biex is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna tgħin lit-tfal jibdew japprezzaw aktar is-sbuħija naturali ta’ Malta u Għawdex billi jmorru fiżakment f’kull rokna tal-Gżejjer Maltin. Tixtieq tara li t-tfal Maltin minn ċkunithom ikunu qrib il-kultural u l-istorja rikka tagħna ħalli jissaħħaħ fihom l-apprezzament għall-identita tagħna bħala nazzjon.

Id-diskors tal-President Spiteri Debono fassal miri importanti li rridu naħdmu għalihom. Diskors li sar b’umilta imma li semma temi li jridu jservu bħala bażi ta’ diskussjoni wiesgħa f’pajjiżna. Minn qalbi nawgura kull suċċess f’dil-ħidma lill-President Spiteri Debono. B’kull mezz għandna nwasslu l-messaġġ favur aktar għaqda nazzjonali, ġid u prosperita u ġustizzja soċjali.