“F’dawn il-ftit ġimgħat li fadal sal-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju irridu nkomplu nisimgħu in-nies u nwasslulhom il-messaġġ tal-Partit Laburista”
L-elezzjonijiet li qed nintalbu nipparteċipaw fihom fit-8 ta’ Ġunju li ġej huma mportanti ħafna għaliex huma opportunità biex b’fiduċja qawwija mill-poplu Malti u Għawdxi, l-Gvern Laburista jkun jista’ jkompli miexi fit-triq tal-progress, fit-triq tat-titjib tal-kwalià tal-ħajja ta’ kulħadd.
Il-Partit Laburista fil-Gvern għandu track record formidabbli ta’ kif tul il-medda tas-snin saħħaħ lill-poplu Malti billi permezz tal-miżuri li ħa, dejjem kabbar il-ġid u għaraf iqassmu b’ġustizzja fost kulħadd. Kien ta’ sostenn għall-aktar sezzjoni vulnerabbli tal-poplu tagħna u tella’ lil dawk li kienu fil-bżonn ‘il fuq fl-iskaluna tal-kwalita tal-ħajja.
Gvernijiet Laburisti għandhom ukoll ir-ripetuzzjoni li dejjem żammew kelimithom mal-poplu Malti. Huwa għalhekk li elezzjoni wara l-oħra, il-poplu jibqa’ jagħti l-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista. F’kull elezzjoni ġenerali, l-Partit Laburista jara li jagħmel proposti li jkun jaf li jista’ jwettaq. Ħaddieħor iwiegħed bla ma jwettaq jew saħansitra jagħmel affarijiet bil-maqlub ta’ dak li jkun wiegħed.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali ressaqna quddiem il-poplu Malti u Għawdxi programm b’elf proposta li issa qed nibdluhom f’azzjonijiet. Ninsabu f’nofs leġislatura u diġa wettaqna mijiet ta’ proposti mill-Programm Elettorali. Mill-elezzjoni ‘l hawn diġa żidna l-pensjonijiet darbtejn, żidiet akbar minn dik mogħtija għall-għoli tal-ħajja. Żidna ċ-childrens allowance saħansitra aktar minn dak li konna wegħdna. Introduċejna għajnuna ġdida lill-ġenituri tat-tfal li jkomplu jistudjaw wara l-ħames sena tal-iskola sekondarja. Żidna darbtejn il-Paga Minima Nazzjonali. Komplejna bl-għajnuniet lill-first time buyers u ntroduċejna l-għotja ta’ €1000 fis-sena għal għaxar snin.
Dawn kollha wegħdiet li ma qagħdniex nistennew elezzjoni ġenerali tasal biex inwettquhom. Bdejna nwettquhom mill-ewwel. U dan minkejja l-mewġ kollu li għaddiet minnu d-dinja fl-aħħar sentejn, fosthom żewġ gwerrer u żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-prodotti tal-enerġija. Waqt li kien għaddej dan kollu, komplejna nkunu ta’ sostenn għall-familji Maltin meta ħallejna l-prezzijiet tal-enerġija iffriżati għal kif raħħasnihom għaxar snin ilu filwaqt li introduċejna l-iskema Stabbilta biex raħħasna xejn inqas minn 400 prodott fost l-aktar essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum.
Dejjem bl-iskop li nkomplu ntejbu l-kwalita tal-ħajja tan-nies nidejna proġetti biex art pubblika li fuqha setgħu jingħataw għall-bini ta’ blokkok sħaħ ta’ appartamenti, jinbidlu fi spazji miftuha fil-qalba tal-ibliet u l-irħula. Ser inkomplu nwettqu l-wegħda elettorali li nagħtu aktar spazji miftuħa lill-kommunitajiet tagħna.
Bħala Gvern viċin in-nies dejjem nieħdu d-deċiżjonijiet t-tajba. Dejjem għażilna t-triq tar-responsabbiltà u komplejna nibnu fuq it-tajjeb li sar u fejn kien meħtieġ li nirranġaw għamilna dan b’sens ta’ responsabbiltà. Issa huwa ż-żmien li ntennu l-fiduċja tagħna fil-Gvern immexxi minn Robert Abela. Irridu nuru li mhux se nkunu ġwejjed quddiem min irid ikisser it-tajjeb kollu li sar mill-Gvern Laburista fl-aħħar 11-il sena. Nafu li hemm forzi tal-Oppożizzjoni li ma jistgħux iniżżluha li m’għandhomx il-poter f’idejhom u qed jagħmlu minn kollox biex iwaqqfu din il-mixja ta’ progress tal-poplu tagħna.
Għalhekk huwa importanti ħafna l-vot tat-8 ta’ Ġunju, kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Kunsilli Lokali. Dan huwa vot biex nagħżlu x’tip ta’ Unjoni Ewropea rridu. Għażla favur Ewropa soċjali li tinvesti aktar lin-nies li f’servizzi li jtejjbu l-livell tal-għajxien. Ewropa li tħaddan id-dimensjoni tal-Mediterran u Ewropa li ma tibqax tuża one-size fits all fl-għażliet tajba.
L-istess fil-Kunsilli Lokali. Għandna bżonn ikomplu jkollna rappreżentanza qawwija Laburista fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Il-Kunsilli Lokali jistgħu jkunu l-mezz kif iċ-ċittadini tagħna jkunu moqdijin sewwa f’dak kollu li jkun meħtieġ biex titjieb il-kwalita tal-ħajja fil-lokalitajiet tagħna. Vot b’saħħtu favur il-kandidati kollha Laburisti għall-Kunsilli Lokali jkun ifisser aktar ħidma b’risq in-nies.
F’dawn il-ftit ġimgħat li fadal sal-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju irridu nkomplu nisimgħu in-nies u nwasslulhom il-messaġġ tal-Partit Laburista li huwa qiegħed hemm għalihom, biex jgħinhom fejn ikun meħtieġ. Il-Partit Laburista biss huwa l-garanzija li jista’ jagħti s-saħħa lill-Maltin biex ikomplu mexjin ‘l quddiem biex kulħadd jirnexxi.