Ir-riżultati li qed jikseb pajjiżna fil-qasam ekonomiku huma sinjali ċari ta’ suċċess.
Huma sinjali li jkomplu jagħtu kuraġġ biex pajjiżna jibqa’ jattira l-investiment u fiduċja ekonomika biex jibqa’ jinħoloq il-ġid.
Fit-tbassir ekonomiku tagħha għax-xitwa, l-ekonomisti tal-Unjoni Ewropea qalu li qed jirrevedu ‘l fuq it-tbassir għall-andament tal-ekonomija Maltija meta jitqabbel mat-tbassir tal-Ħarifa f’Novembru li għadda. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li din ir-reviżjoni ‘l fuq hija xprunata l-aktar minn tkabbir kontinwu u b’saħħtu fl-esportazzjoni netta u fil-konsum privat. Dawn se jkomplu jikbru b’mod b’saħħtu anke jekk b’rata anqas minn dik tal-aħħar sentejn.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta għal ikun ta’ 4.6%. Dan juri li matul din is-sena, Malta mistennija jkollha l-ikbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Riżultati li jagħtu ċeritifkat ċar ta’ suċċess. Riżultati li jimlewna b’aktar kuraġġ u determinazzjoni biex niżguraw li pajjiżna jibqa’ jimxi’l quddiem.
Min-naħa l-oħra huwa mportanti li nsegwu wkoll dak li jkun għaddej fl-aħbarijiet internazzjonali ħalli nifhmu dak li għaddej lil hinn minn xtutna u nevalwaw is-saħħa tas-suċċess ta’ pajjiżna. Aktar minn hekk, wieħed ikun jista’ jifhem aħjar liema huma l-isfidi li jkunu qed jiffjaċċjaw pajjiżi oħra u kif dawn l-isfidi jistgħu jaffettwaw lilna minkejja li ninsabu ‘l bogħod.
Id-distanza llum tista’ tgħid li relattivament ċkienet għaliex anke jekk pajjiż ikun imbiegħed minn ieħor tista’ tgħid li t-tekonologija tal-kommunikazzjoni u l-mezzi ta’ transport aktar effiċċjenti iqarrbu aktar lil popli lejn xulxin. Il-qrubija mhix biss minħabba dawn iż-żewġ fenomeni iżda l-andament ekonomiku f’reġjun jew f’pajjiż partikolari jaf ikollu effett fuq l-andament ekonomiku fuq pajjiżi ohrajn.
Nista’ nsemmi xi eżempji biex infisser ruħi aħjar. Il-gwerra li għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukranja wasslet biex prezzijiet ta’ diversi oġġetti jogħlew għax din il-gwerra tħalli effett fuq il-provvista ta’ oġġetti essenzjali u aktar minn hekk il-prezzijiet internazzjonali ikunu affettwati fis-swieq fejn jiġu negozjati.
Pajjiżna għandu ekonomija vibranti u li fiha attivita’ b’saħħitha ħafna. Imma aħna esposti għal dak li jseħħ barra minn Malta u fl-aħħar sentejn kellna żidiet ‘l fuq ta’ diversi prezzijiet kawża ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi u reġjuni oħra. Dawn huma sfidi li ffaċċjajna u li rridu nkomplu niffaċċjaw u li għalihom qed inwieġbu b’diversi inizjattivi li qed iħallu impatt pożittiv.
Fl-aħħar jiem tħabbar ukoll li kemm mir-Renju Unit kif wkoll il-Gappun daħlu f’riċessjoni. Dan ifisser li l-andament ekonomiku tagħhom huwa wieħed kajman u minflok l-attivita qed tiżdied u twassal għal tkabbir, ir-rizultati huma għal kollox ‘il kontra.
Dawn iż-żewġ pajjiżi huma meqjusa fost dawk li l-aktar li għandhom ekonomija b’saħħitha u kbira fuq livell internazzjonali. Għalhekk, il-fatt li għandek żewġ ekonomiji bħal dawn li jibdew jirreġistraw tnaqqis serju fl-andament tagħhom huwa lok ta’ tħassib u jeħtieġ li wieħed jara kif iżomm l-andament tiegħu għaddej b’mod b’saħħtu.
Filwaqt li dawn iż-żewġ pajjiżi qed jirrappurtaw tnaqqis fl-attività ekonomika tagħhom li qed twassal għal riċessjoni, pajjiżna qed ikompli jikseb riżultati mill-aktar pozittivi. Huwa għalhekk importanti li naraw li nżommu għaddej ritmu ekonomiku qawwi ħalli nevitaw kemm nistgħu li pajjiżna jintlaqat mill-ekonomiji dgħajfa f’dawn il-pajjiżi. Ninsab konvint li bħalma għamilna fl-imgħoddi, bl-għaqal fit-tmexxija u d-direzzjoni tal-Gvern Laburista nistgħu inkomplu nsostnu andament ekonomiku b’saħħtu li jegħleb kull sfida li tista’ tiġi minn barra xtutna. Għażliet għaqlija jerġgħu jiżguraw Malta li tibqa’ tirnexxi.