Din is-sena ħabbarna l-bidu tax-xogħlijiet fuq il-bini ta’ sistema ta’ stormwater culverts fiż-Żurrieq permezz ta’ investiment ta’ madwar miljun ewro biex tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar fiċ-ċentru taż-Żurrieq u l-madwar. Proġett li kien ilu mistenni mir-residenti taż-Żurrieq ta’ din iż-żona li saħansitra kien qed jiħlilhom l-ilma ġo djarhom wara xi maltempata qawwija.
Fil-bidu tax-xogħlijiet ta’ skavar, instabu fdalijiet storiċi fejn minnufih infurmajna lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali sabiex tevalwa iż-żona. Bħalissa għaddejin studji minn naħa ta’ dan id-dipartiment fuq ir-rilevanza u l-funzjoni ta’ dawn il-qatgħat fil-blat li, mal-ewwel daqqa t’għajn, jidhru simili għal cart ruts li nsibu f’diversi żoni madwar Malta u Għawdex. Minkejja dan, ix-xogħol kompla għaddej f’żona aktar ‘il fuq biex ma jitwaqqafx il-progress ta’ dan il-proġett li issa jinsab miexi b’rittmu tajjeb.
Kompla t-tħaffir fit-telgħa ta’ Vjal ix-Xarolla, fejn din is-sistema se tingħaqad ma’ oħra eżistenti, u issa wasal sal-bidu ta’ Triq il-Bronja. Tajjeb li wieħed isemmi, li dan il-proġett se jikkonsisti f’bini ta’ culvert, b’tul totali li jaqbeż l-1,000 metru, 61 metru ta’ catchment pits u 28 catchment chambers fejn jinġabar l-ilma.
Permezz ta’ dan l-investiment se nnaqsu nkonvenjent li ilu snin jurta lir-residenti ta’ din iż-żona ċentrali fiż-Żurrieq. Barra minn hekk, dan se jkun intervent ieħor minn kullana ta’ proġetti reċenti biex tittaffa l-problema tal-għargħar fuq skala nazzjonali u sabiex l-ilma li jinġabar, jintuża bħala riżorsa alternattiva bl-aħjar mod possibbli.
Bħal kull proġett ieħor f’żoni residenzjali, nifhem li dan il-proġett jaf joħloq diversi inkovenjenti kemm għar-residenti tal-akwata kif ukoll għal min ta’ kuljum juża’ dawn it-toroq. Għaldaqstant, bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qegħdin f’kuntatt kontinwu mal-Kunsilli Lokali taż-Żurrieq u ta’ Ħal Safi sabiex ninfurmaw lill-pubbliku b’kwalunkwe tibdil fid-direzzjonijiet tat-traffiku. Qegħdin ukoll f’kuntatt ma’ Transport Malta biex anke t-trasport pubbliku li jgħaddi minn din iż-żona jiġi rivedut temporanjament skond kif ikun meħtieġ.
Dan u ħafna aktar xogħol li qed jitwettaq mill-Gvern ta’ Robert Abela huwa prova li fid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu, hemm rispett sħiħ u rieda soda biex nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Nemmen li apparti l-ħtieġa tal-ħolqien tax-xogħol, tal-investimenti fl-ekonomija u fil-ħolqien tal-ġid, hemm bżonn ninvestu f’aktar proġetti bħal dan li qed nwettqu fiż-Żurrieq kemm għal benefiċċju tar-residenti, kif ukoll għall-ambjent isbaħ u aħjar billi nħarsu r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna.