Għal bosta snin ilna nisimgħu dwar it-tibdil fil-klima kkawżat mill-attività tal-bniedem. Ilha għaddejja d-diskussjoni dwar il-miżuri li jridu jittieħdu biex dan il-fenomenu jiġi indirizzat. Illum, aktar minn qatt qabel, ilkoll nafu kemm huma kbar -effetti li qed iġġib magħha il-bidla fil-klima.

Iż-żieda fit-temperatura madwar id-dinja qed tħalli l-marki tagħha u jeħtieġ li naħdmu aktar biex dan kollu jiġi indirizzat. Iż-żieda fin-nixfa, sħana aktar qawwija u temperatura ogħla tal-baħar huma wħud mill-fatturi li qed iwassal dan kollu.

Fl-aħħar snin tfasslu diversi miri li jridu jintlaħqu biex dan kollu jiġi indirizzat. Hemm miri li jwasslu biex ikollna inqas emmissjonijiet u nimxu aktar lejn ekonomija carbon neutral. Din hija bidla kbira u radikali. Hija bidla li tista’ tgħid twassal għal ħtieġa tal-mudell ekonomiku li bih ħdimna għal tant snin.

L-ekonomiji tagħna tista’ tgħid jaħdmu fuq l-użu tal-enerġija. Ednerġija li ħafna minnha niksbuha billi naħarqu fjuwil u gass li jwasslu biex ikollna gassijietg li qed jikkawżaw il-bidla fil-klima. Biex il-miri li għandna mfassla jintlaħqu, iridu jittieħdu ħafna inizjattivi. Dawn l-inizjattivi li jibdew minn tnaqqis fl-użu ta’ dan il-fjuwil, użu akbr ta’ enerġija rinovabbli u mezzi biex nikkonservaw l-enerġija u nnaqqsu il-ħtieġa ta’ użu ta’ enerġija.

Bosta jassoċjaw dawn il-miżuri mal-qasam tat-trasport li juża ħafna fjuwil u huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin ta’ gassijiet li qed iwasslu għal bidla fil-klima, iżda hemm aktar aspetti u oqsma li jistgħu jikkontribwixxu biex nindirizzaw din ir-realtà.

Il-bini huwa wieħed mill-kontributuri ewlenin fl-emmissjonijiet u dan peress li biex binja titħaddem għandha bżonn l-enerġija. Wieħed irid iqis kemm hemm bżonn ta’ enerġija biex wieħed jixgħel u bosta attivitajiet oħra li jsiru fil-binjiet tagħna.Għalhekk, hemm il-ħtieġa li jkun hemm impenn akbar lejn aktar effiċjenza enerġetika fil-bini. Din l-effiċjenza tinkiseb mill-mod kif jinbena l-bini, il-materjali li jintużaw, il-mod kif jiġi ddisinjat u diversi fatturi oħra li jwasslu biex il-binjiet ikollhom ħtieġa inqas ta’ enerġija.

Is-soqfa tal-binjiet qegħdin iservu biex tiġi ġġenerata l-enerġija elettrika permezz tal-pannelli fotovoltaiċi u s-solar water heaters. Dan huwa pass tajjeb iżda mhux biżżejjed. Hemm ħafna aktar li jeħtieġ li jsir u jeħtieġ li naġixxu b’aktar determinazzjoni. L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni għandha r-responsabbiltà li tara li nżidu l-effiċjenza enerġetika fil-bini.

Għal dan il-għan ninsabu għaddejjin b’ristrutturar f’din l-Awtorità bil-għan li tkun imħejjija sewwa għall-isfidi tax-xhur u s-snin li ġejjin meta trid tkun qed tmexxi l-quddiem l-inizjattivi ewlenin biex inżidu l-effiċjenza enerġetika kemm f’dawk li huma binjiet pubbliċi tal-Gvern u l-entitajiet tiegħu kif ukoll dawk fis-settur privat.

B’din il-mira f’moħħna, permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sar proġett ewlieni biex binja ewlenija f’Belt is-Sebħ, magħrufa bħala Project House, ġiet rinovata b’tali mod li llum hija kważi ħielsa mill-emmissjonijiet u qed taħdem b’effiċjenza enerġetika ferm aktar minn qabel. Dan il-proġett li sew madwar €4 miljun sar ukoll bl-għajnuna ta’ Fondi Ewropej.

Fix-xhur u s-snin li ġejjin irridu naħdmu u nirsistu aktar biex aħna wkoll, minkejja li pajjiż żgħir ħafna, nagħtu l-kontribut tagħna biex nilqgħu għal din l-isfida globali tat-tibdil fil-klima. Bħala Gvern se naħdmu biex flimkien mas-setturi kollha involuti inżidu r-ritmu tal-bidliet li rridu nagħmlu ħalli l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tkompli tiżdied u b’hekk inkomplu nnaqqsu l-emmissjonijiet.

Ikollna nammettu li ċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom illum, fosthom bi gwerra għaddejja fuq il-kontinent Ewropew bejn ir-Russja u l-Ukranja, jiskoraġġixxu ċertu inizjattivi favur il-klima l-aktar minħabba l-kriżi preżenti ta’ nuqqas ta’ gass li qabel kien jgħaddi mir-Russja lejn l-Ewropa. Hemm tentazzjoni kbira fost bosta stati Ewropej biex jerġgħu iduru għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi bħall-faħam jew in-nukleari u dan jista’ jżid minflok inaqqas l-emmissjonijiet.

Imma minkejja dan kollu jeħtieġ inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu. Qegħdin naraw il-kuxjenza dinjija dwar l-isfida tat-tibdil fil-klima tkompli tikber kullimkien. L-aktar pajjiżi żviluppati qed joħolqu inizjattivi teknoloġiċi ġodda biex l-ekonomiji tagħhom ikunu bbażati fuq inizjattivi ambjentalment sostenibbli. L-ekonomija l-ħadra hija issa l-mira ta’ kull pajjiż għaliex barra li tikkontribwixxi għall-isfida tat-tibdil fil-klima qegħda tkun ukoll is-sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi ġodda u anke żvilupp ekonomiku aktar qawwi.

Pajjiżna wkoll għandu jkompli jagħti spinta lejn din il-bidla għaliex b’ekonomija li tuża inqas enerġija tradizzjonali u li tkompli tnaqqas l-emmissjonijiet inkunu qed nindirizzaw it-tibdil fil-klima u nkunu fl-istess ħin qed ngħinu biex il-familji tagħna jgħixu f’ambjent aħjar u jkollhom kwalita ta’ ħajja aħjar.