Bħala pajjiż irridu nilħqu l-mira tagħna li sas-sena 2050 pajjiżna jsir carbon neutral. Dan ifisser li rridu naqqsu sostanzjalment l-emmissjonijiet li nikkawżaw. Iż-żmien huwa kontra tagħna u għalhekk irridu nżidu l-pass li bih immexxu l-affarijiet filwaqt li hemm bżonn ta’ kuxjenza akbar dwar dak li huwa meħtieġ.
L-attivitajiet tagħna ta’ kull jum jeħtiegu l-użu ta’ enerġija. Għandna bżonn l-enerġija elettrika kif wkoll diversi fjuwils oħra fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol u oqsma ohra. Biex nasslu għall-mira ta’ carbon neutral irridu naraw kif nużaw aktar enerġija rinovabbli, enerġija aktar nadifa jew innaqqsu l-volum tal-enerġija li jkollna bżonn.
Il-ħtiega li nimxu f’din id-direzzjoni b’aktar ħeffa ġejja wkoll mill-fatt li l-qagħda internażżjonali wasslet għal pressjonijiet fuq il-prezz tal-fjuwils. Il-fjuwils illum qed jinbiegħu bi prezijiet għolja ferm li qed iħallu impatt qawwi fuq l-andament ekonomiku.
Bosta jaħsbu li l-emmissjonijiet huma kkawżati mill-attività industrijali jew it-traffiku iżda qajla naħsbu li l-bini huwa wkoll kontributur tal-emmissjonijiet minħabba l-enerġija li nużaw regolarment. Il-bini għandu jsir b’mod li jkun aktar energy efficient fis-sens li juża inqas energija fit-tħaddim tiegħu. Bħalma llum tixtri prodott bħal eżempju fridge li jkollha proċess ta’ manifattura li jwassal biex dak il-prodott juża inqas enerġija, il-bini wkoll għandu jsir b’mod li jilħaq effiċjenza enerġetika għolja.
Dan huwa proċess li jeħtieġ li jitwettaq. Flimkien ma’ dawk kollha fis-settur se nimbarkaw fuq proċess kif dawn il-miri għandhom jintlahqu biex fil-ħajja ta’ kuljum tintuża inqas enerġija u b’hekk nilħqu l-miri li għandna bħala pajjiż.
Hemm diversi mezzi li bihom tista’ tintlaħaq l-effiċjenza enerġetika. It-tekonologija f’dan ir-rigward kompliet tiżdied iżda jeħtieg li nagħrfu aktar il-ħtieġa li mmorru f’din id-direzzjoni. Matul din il-ġimgħa l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini l-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS). Gie ddikjarat mill-periti responsabbli imqabbda mill-Ministeru tat-Turiżmu li dan il-bini se jsir biex jilħaq il-livell magħruf bħala near carbon neutral.
Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Jeħtieġ li l-impenn f’dan ir-rigward ikompli jiżdied. Dan huwa meħtieġ għall-proċess ta’ trasformazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni ta’ pajjiżna. Fit-tibdil li se nkomplu nwettqu f’dan is-settur irid jiġi żgurat li jiġu introdotti t-tekonoloġiji u sistemi meħtieġa biex ikollna aktar bini li jilħaq effiċjenża enerġetika.
Bħala gvern u bħala Ministeru, bdejna aħna li tajna l-eżempju u binja ewlenija f’Belt is-Sebħ magħrufa bħala Project House għaddiet minn trasformazzjoni sħiħa ta’ rrinovar b’nefqa ta’ €4 miljun biex issa qed taħdem b’ferm aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u naqqset l-emmissjonijiet drastikament.
Anke bis-saħħa ta’ fondi Ewropej mill-Programm ta’ Rkupru u Reżiljenza li konna nnegozjajna mal-Unjoni Ewropea fil-leġislatura li għaddiet il-Gvern huwa impenjat li jagħmel rinovazzjoni f’bosta binjiet tiegħu biex dawn ukoll jaħdmu b’aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Issa jmiss li anke fis-settur privat jittieħdu l-miżuri biex waqt li jkunu rinovati binjiet eżistenti, kull bini ġdid ikun konfermi ma’ regoli li jridu jiddaħħlu fuq medda ta’ żmien u li jkunu qed jikkontribwixxu biex pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali tiegħu.
Ninsab konvint li bħalma pajjiżna dejjem sab il-mezz kif jaddatta ruħu għal kull bidla li kienet meħtieġa fl-iżvilupp tiegħu, din id-darba wkoll se jqum għall-okkażjoni u se jaħtaf l-opportunitajiet li se ġġib magħha il-bidla lejn l-użu ta’ enerġija b’aktar effiċjenza u enerġija aktar nadifa.