It-tiżjin u ċelebrazzjonijiet fil-knejjes, toroq imlibbsa b’armar mill-ifjen, il-baned, il-brijju, l-ispettakli tan-nar. Dawn huma wħud mill-elementi ewlenin li jsawwru l-festa Maltija. Festi li huma tradizzjoni kbira fl-istorja u fil-kultura tagħna.
Tul is-snin, il-kalendarju ta’ pajjiżna tista’ tgħid li dejjem kien imfassal fuq il-festi. Kull festa ġġib magħha drawwiet partikolari li tista’ tgħid tiddistingwi waħda mill-oħra. Tradizzjonijiet li bdew snin twal ilu li tista’ tgħid issaħħew matul is-snin u komplew jiġbdu aktar nies lejhom.
Wara żewg sjuf li fihom, minħabba l-pandemija konna imċahhda mill-festi kif nafuhom u kif bosta jiehdu sehem fihom, din is-sena reġa’ kellna sajf mimli b’attività, kulur u dak kollu li jġibu magħhom dawn il-festi. Minn dak li segwejt, il-festi reġgħu ġibdu lin-nies u l-attendenza kienet mill-ġdid numeruża.
Iżda wara kull festa, x’hemm? Xi jwassal biex f’raħal jew belt ikollok għal festa, tnejn jew aktar? Huwa ċar li l-festi jiddependu mir-rieda u d-determinazzjoni ta’ nies li għal sena sħiħa jagħtu ħafna mill-enerġija u l-ħin tagħhom b’risq avveniment li jiġbed lil tant u joffri spettaklu u okkażjoni mill-aqwa lil bosta.
Il-festi isiru għaliex in-nies għadhom iridu li din it-tradizzjoni tibqa’ tgħix. Interessanti li matul is-snin kien hemm min f’teżi tiegħu kien ta x’jifhem li l-festi f’pajjiżna għad jispiċċaw. Għaddew aktar minn ħamsin sena minn meta dan ġie mistqarr iżda naħseb li din it-tradizzjoni kompliet tissaħħaħ.
Interessanti wkoll li matul is-snin il-kultura tal-festi mhux biss kompliet tikber fejn diġa kien hemm tradizzjoni qawwija ta’ festi iżda anke f’lokalitajiet relattivament ġodda li kibru riċentement, festi li kienu meqjusa żgħar, ħadu xejra differenti u kibru fl-attività li titwettaq.
Biex wieħed jagħmel dak kollu meħtieġ, jeħtieġ finanzjament sostanzjali. Dan ħafna minnu jseħħ grazzi għall-ġenerożita’ ta’ ħafna li jsostnu lil dawn il-festi finanzjarjament. Ta’ min wieħed jgħid, li l-organizazzjonijiet marbuta mal-festi, l-aktar il-baned, fl-aħħar snin bdew jibbenefikaw minn bosta skemi maħruga minn entitajiet varji tal-gvern li lkoll tawhom sostenn b’saħħtu u ġew finanzjati bosta proġetti fejjieda.
Fil-festi jibqa’ fundamentali il-volontarjat. Il-kumitati kollha marbuta mal-festa huma mmexxija minn persuni li b’mod altruist jagħtu l-ħin tagħhom fit-tmexxija tal-organizazzjonijiet kif wkoll għat-tħejjijiet kollha meħtieġa għall-festa. Naħseb li diffiċli tagħti valur monetarju għax-xogħol kollu li jsir biex jitlestew it-tħhejjiet kollha marbuta ma’ festa.
Ngħid għalija, il-parteċipazzjoni fl-organizazzjoni tal-festi sservi mhux biex bħala lok fejn wieħed jgħin fil-komunità fejn jgħix iżda mezz biex wieħed jitgħallem ħiliet ġodda. Insemmi it-tagħlim tal-mużika fil-każini tal-baned. Kemm ilhom jeżistu l-każini tal-baned f’Malta, it-tagħlim tal-mużika ingħata b’xejn lil dawk kollha li jagħżlu li jitgħallmu l-mużika. Dan serva mhux biss biex ikollhok bandisti tajbin iżda wkoll kien mezz kif jiġi popolizzat it-tagħlim tal-mużika u aktar setgħu jitgħallmu anke fiż-żminijijet meta t-tagħlim f’pajjiżna kien għadu limitat.
Minkejja dak kollu li rajna f’dan is-sajf wara n-nuqqas ta’ festi minħabba l-pandemija, bosta involuti fl-organizazzjoni tal-festi jgħiduli li hemm bosta sfidi li jridu jiġu ffaċċjati biex inżommu ħajja din it-tradizzjoni. Bosta jgħiduli li wara l-covid, kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ bandisti. Dan qed iħalli effett li jista’ jigi rimedjat jekk aktar jitħeġġu jitgħallmu l-mużika u jkunu parti mill-baned.
Sfida ohra li jirrimarkawli hija l-ispiża tal-materjali marbut mal-pirotekonika li qed tiżdied sostanzjalment. Bħall-bqija ta’ affarijiet oħra li qed jogħlew minhabba kriżijiet internazzjonali, dan il-fatt wkoll iħalli impatt. Is-sagrifiċċji ta’ dawk li jaħdmu n-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja, qed jaraw kif dan se jkun qed jaffettwa fil-manifattura fiż-żmien li ġej.
Il-ħidma għall-festi, l-aktar fil-preparamenti kollha, tiddependi minn kemm persuni jagħżlu li jkunu parti mill-organizazzjoni tagħhom u jagħtu mill-ħin tagħhom biex isir ix-xogħol kollu meħtieġ. Nemmen li għandu jingħata messaġġ b’saħħtu favur is-sostenn ta’ dawn it-tradizzjonijiet u jibqgħu jitħeġġu nies ta’ etaijiet differenti biex ikunu parti mill-ħidma marbuta ma’ din it-tradizzjoni Maltija.
Dak li qed naraw matul dan is-sajf huwa riżultat ta’ xogħol kbir li jsir hafna minnu wara l-kwinti. Huwa xieraq li nirringrazzjaw lil dawk kollha involuti tal-kontribut b’saħħtu li jagħtu biex din it-tradizzjoni Maltija tibqa’ ħajja. Minkejja l-isfidi, għandna nħarsu b’ottimiżmu u b’għaqal isir xogħol biex jingħelbu l-isfidi u b’hekk niżguraw li din it-tradizzjoni ma tintitilifx.