Dinamiżmu – Tiġdid – Xogħol
B’dawn it-tlett kelmiet wieħed jista’ faċilment jiddeskrivi l-ewwel mitt jum tal-mandat li ngħata lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern Laburista li fakkarna fil-jiem li għaddew. Kienu mitt jum ta’ sfida kontinwa. Eżatt bħalma Robert Abela u t-tim tiegħu dħalna fit-tmexxija tal-Gvern Laburista l-ġdid tal-2020 u sibna ma’ wiċċna l-kriżi tal-pandemija, hekk ukoll issa hekk kif irbaħna l-akbar mandat elettorali li qatt kiseb partit politiku f’Malta bdejna niffaċċjaw il-kriżi internazzjonali li qed iġġib magħha l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja.
Quddiem dan kollu il-Gvern Laburista għal darb’oħra daħal bis-saħħa biex sakemm huwa possibbli jiddefendi lill-poplu Malti minn dan is-saram kollu. Intervjenejna biex żammejna l-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif kienu qabel u għenna kemm flaħna lill-importaturi tal-qmugħ biex iż-żidiet fil-prezzijiet għalihom inżammu taħt kontroll. S’issa Malta rnrexxiela tirreġistra fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kollha u rridu nkomplu naħdmu biex inkomplu f’din it-triq.
Ma jistax jonqos li dawn il-100 jum kienu mpenjattivi ferm għalija bl-inkarigu l-ġdid li għoġbu joffrili l-Prim Ministru bħala Ministru għax-Xogħlijiet u l-Ippjanar. Kariga illi lqajt b’umiltà u b’sens ta’ servizz lejn pajjiżna. F’dan il-ministeru issa għandna miġbura l-oqsma kollha li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni f’pajjiżna, jiġifieri l-Awtorita tal-Ippjanar, l-Awtorita tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Awtorita dwar is-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol. Għandi wkoll ir-responsabbilta tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fejn filwaqt li qed inkomplu proġetti mibdija, ser infasslu proġetti ġodda għall-kommunitajiet tagħna fl-ibliet u l-irħula Maltin.
Se nkunu qegħdin naraw li fiż-żmien li ġej nibdew inwettqu dak li wegħdna fil-programm elettorali għall-oqsma tal-ippjanar u l-kostruzzjoni fejn rridu li jkun hemm bilanċ bejn il-ħtieġa tal-pajjiż li jkompli jiżviluppa u l-ħarsien tal-ambjent naturali u storiku tagħna. Għaddejjin b’ħidma biex insaħħu l-Awtorita dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni u nevalwaw it-triq il-quddiem dwar kif għandna nwettqu l-ippjanar tal-iżvilupp għal pajjizna.
Kienu mitt jum ta’ ħidma estensiva fejn komplejna bil-programm riformista illi rridu nkomplu nwettqu għal pajjiżna. Programm li qed jagħti l-opportunità lil aktar nies illi jistgħu jsejħu lilhom nfushom ġenituri permezz tal-bidliet li fil-liġi tal-IVF. Tajna lura lin-nies tal-Kottonera u ta’ Wied-il-Għajn art li kienet se tintuża mill-American University of Malta. Komplejna nsaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna tant illi ħriġna mill-lista l-griża tal-FATF.
Dan huwa gvern illi ta’ kuljum qed jaħdem biex nkomplu ntejbu il-kwalità tal-ħajja tan-nies u naraw li l-ekonomija ta’ pajjiżna, minkejja l-isfidi internazzjonali, tibqa’ mixja ‘l quddiem u tassigura ix-xogħol lil ħaddiema. Minkejja l-isfidi m’aħniex se naqtgħu qalbna. Se nkomplu niktbu l-istorja flimkien. Se nkomplu nagħmlu dak it-tibdil kollu meħtieġ. Konvint illi fl-għażliet kollha li aħna ser inkunu qegħdin nagħmlu se npoġġu lilek, lill-familja u lil pajjiżna l-ewwel.