Malta għandha storja twila ta’ kif kienet taħżen tal-ilma tax-xita, partikolarment permezz tal-ġbir tal-ilma tax-xita fiċ-ċisterni. Madankollu, matul l-aħħar għexieren ta’ snin, din il-prattika sostenibbli, li kienet sors primarju ta’ provvista ta’ ilma ħelu, twarrbet għal mezzi oħra inqas sostenibbli ta’ kif jinkiseb ilma ħelu u minħabba investimenti kbar li saru f’teknoloġiji ġodda, naqas l-investiment f’sistemi tradizzjonali ta’ kif jinħażen l-ilma ħelu.

Green Stormwater Infrastructure (GSI) huwa l-isem mogħti lil diversi infrastrutturi li jimitaw proċessi naturali għall-ġbir u l-użu tal-ilma tax-xita. Bħala Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, għadna kif ħabbarna l-ftuħ ta’ espressjoni ta’ interess għat-taqsimiet tal-Gvern Lokali u Ċentrali li għandhom interess li jkollhom infrastruttura sostenibbli għall-ilma tax-xita fuq art pubblika amministrata minnhom.

Waqt it-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-amministrazzjoni aħjar tal-ilma tax-xita

Din is-sena, il-Ministeru se jkun qiegħed jagħżel u jwettaq tlett proġetti dimostrattivi permezz tal-fondi LIFE fl-2023 biex iżid l-għarfien waqt li jiġbor iktar informazzjoni lokali biex jippubblika gwidi tekniċi dwar prattiċi tajbin ta’ infrastruttura sostennibli għall-ilma tax-xita fil-gżejjer Maltin. Permezz ta’ din l-inizjattiva, ġie mħejji qafas strateġiku ta’ kif għandha titħejja infrastruttura sostennibbli waqt l-ippjanar ta’ żvilupp jew waqt li jkun qed isir żvilupp ta’ bini li diġa jeżisti.

Il-prijorità ta’ dan il-Gvern għas-snin li ġejjin hija l-ambjent u għalhekk, din l-infrastruttura hija komplimentari biex jinġabar ammont akbar ta’ ilma ta’ xita tant bżonnjuż biex inkomplu nħaddru ż-żoni urbani tagħna. Għaldaqstant, ħloqna wkoll manwal tal-linji gwida għal proġetti innovattivi ta’ infrastruttura ekoloġiċi għall-protezzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita f’ambjenti naturali, rurali u urbani. Id-dokumenti jipprovdi gwida fil-forma ta’ eżempji prattiċi, rakkomandazzjonijiet u lista ta’ kodiċi ġenerali ta’ prattiċi tajbin għal sistemi ekoloġiċi ta’ suċċess.

Ħajt aħdar magħmul minn 27,600 pjanta tul il-Marsa-Ħamrun Bypass

Dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jassistu diversi entitajiet li jvarjaw minn entitajiet governattivi u privati, kunsilli lokali, organizzazzjonijiet volontarji, negozji, professjonisti u kif ukoll għall-pubbliku ġenerali sabiex jiġu appoġġjati l-impenn u l-isforzi ta’ Malta biex tikkumbatti l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.

Il-viżjoni hi li, waqt u wara li jintemm il-proġett LIFE, l-infrastruttura sostenibbli għall-ilma tax-xita ssir l-ewwel għażla flok il-metodi tradizzjonali fejn l-ilma tax-xita ma jkunx mmaniġjat fejn jinżel. Dan għandu jwassal biex jonqos l-ilma tax-xita ġieri waqt li jiżdied l-ilma tax-xita jinżel fil-pjan u jonqos it-telf tiegħu fil-baħar. Għaldaqstant inħeġġiġkom tagħtu titwila id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika li jista’ jiġa aċċessat mil-link t’hawn taħt. Ejjew nkomplu naħdmu flimkien biex ninvestu f’aktar sistemi ekoloġiċi għal Malta aktar ħadra, għal arja aktar nadifa u għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Link: https://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MTI/Pages/Consultations/GreenStormwaterInfrastructureGuidanceManual.aspx?fbclid=IwAR2RNnydmwAj9-A8I5TlocIG4yxE7DgHjStAejjwM0cCGc9VXNq5SlhhK5g