Fil-kostruzzjoni, il-kelma kwalità trid tibqa’ u trid iżżid l-importanza tagħha

Konferenzi bħal dawn huma ta’ ġid fihom infushom għaliex qegħdin jgħollu l-livell dwar kif inħarsu lejn dan is-settur u kif nevalwaw b’mod xjentifiku u aħjar dak li għaddej, dak li hemm bżonn isir u fuq kollox nagħmlu sensibilizazzjoni dwar kif nistgħu nagħmlu l-affarijiet b’mod aħjar.

Naħseb li d-direzzjoni ewlenija għal dan is-settur hija miġbura f’żewġ kelmiet, not more, but better – mhux aktar, imma aħjar. Nemmen li d-destinazzjoni f’dak kollu li nagħmlu jrid ikun ibbażat fuq kwalità għola. Pajjiżna f’dawn l-aħħar snin esperjenza żvilupp mingħajr ebda preċedent. Jekk wieħed jara ftit l-istatistika tan-numru ta’ permessi li nħarġu, tal-investiment li sar, tat-tip ta’ kostruzzjonijiet li saru – dawn kollha juru li kellna bidla radikali fil-volum u fl-attività. B’hekk, żgur li hemm mistoqsijiet serji b’mod partikolari mill-pubbliku inġenerali dwar il-mod kif isiru l-affarijiet. U naħseb our major trust trid tkun propju iffukata fuq dan.

Kull min jagħmel żvillup fil-fehma tiegħi m’għandux ikun impenjat biss fil-ħsieb tiegħu dwar dak l-iżvillup, imma li la darba li jitlesta, dan l-iżvilupp se jkun preżenti ukoll fis-snin li ġejjin – irid issaqsi ftit iżjed x’impatt se jħalli fuq il-madwar. U għal dan il-għan il-Gvern huwa impenjat illi fejn jidħol il-qasam tal-estetika se nkunu għaddejjin b’ħidma flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar biex naraw kif ikollna politiki b’viżjoni u jkollna azzjoni aktar ċara kif intejbu l-livell tal-estetika fl-iżvillup. Dak li jidher huwa valur fih innifsu għaliex il-binjiet huma dawk l-ispazji li lkoll nużaw.

Is-settur tal-kostruzzjoni u l-iżvillup ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejh bħala għan fih innifsu. Iridu nħarsu lejh bħala servizz għall-ġid ta’ pajjiżna. U naħseb fi żmien li ġej din id-diskussjoni trid tkun aktar iffukata biex primarjament nifhmu aħjar dak li diġa għandna u nifhmu aħjar x’qegħdin nippjanaw għaż-żmien li ġej.

Iżda dak li qegħdin infasslu jrid jittieħed f’kuntest ta’ dawk li se jkunu l-ħtiġijiet ġejjiena u dawk iż-żewġ aspetti fil-fehma tiegħi rridu nżommuhom in sync il-ħin kollhu. Għaliex x’jiswa li nagħmlu żvillup li effettivament maż-żmien mhux se jkollok domanda suffiċċjenti għalih?

U dan kollu f’pajjiżna huwa ferm aktar important meta huwa pajjiż fejn l-ispazju  limitat. B’hekk iridu napprezzaw aktar  kif inħaddmuh. Dan huwa xogħol li se jkun qed jieħu żvolta oħra fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar waslet fl-aħħar fażijiet tagħha fit-tfassil tar-rapporti marbuta ma’ SPED. Dawn ir-rapporti se jagħtuna idea ċara dwar is-sitwazzjoni kif inhi u dwar dak li qed jiġi mbassar u mfassal għal futur u se jkunu qafas importanti lejn fejn irridu nieħdu d-diskussjoni tagħna.

F’dan is-settur il-kelma kwalità trid tibqa’ u trid iżżid l-importanza tagħha, li l-proġetti li nagħmlu jkunu ta’ kwalità aħjar, ta’ kwalità għola b’mod partikolari l-impatt li jħallu waqt li jkunu qed isiru. Illum nista’ niġi hawn quddiemkom u nitkellem dwar dak li qegħdin nimplimentaw, dwar dak li qegħdin inwettqu.

Infatti jumejn ilu nistgħu ngħidu li kellna punt importanti f’bidla li kienet ilha tinħass il-ħtieġa tagħha, bdejna t-tranżizzjoni li ser twassalna sabiex ikollna għall-ewwel darba f’pajjiżna l-liċenzjar tal-kuntratturi.

Dan huwa frott ta’ diskussjonijiet twal. Nistgħu ngħidu li l-1 ta’ Novembru tal-2023 tatna numru ta’ riżultati.

Għal ewwel darba f’pajjiżna, biex persuna li taħdem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bini, t-twaqqigħ u tqattigħ, trid  tapplika mal-BCA. Dawn l-applikazzjonijiet tawna ċifri li qabel ma kellnix, tawna ċifri ta’ kemm hemm entitajiet u individwi joperaw f’dan is-settur. Meta wieħed iqis li daħlu 3,793 applikazzjoni, wieħed faċilment jagħraf li n-numru ta’ operaturi huwa sostanzjali.

Xorta qed naraw ċifri li sa ftit ilu ma kellnix. Din id-data hija importanti biex aħna nkomplu f’din il-mixja tagħna lejn regolamentazzjoni. Nista’ ngħid ukoll li kull min japplika ser ikun evalwat u li tapplika biss mhix biżżejjed sabiex tingħata l-liċenzja.

Il-proċess tal-liċenzjar se jkun qed jagħlaq fl-1 ta’ Jannar 2025, fejn hemmhekk  sabiex inti topera irid ikollok bilfors il-liċenzja. U din il-liċenzja x’valur ha tkun qegħda tagħtina, apparti l-istatistika? Se tagħtina valur billi l-ewwelnett sejrin nistabillixxu standards biex persuna tista’ tagħmel dak ix-xogħol.  Se tagħtina l-opportunità li nkomplu, flimkien mal-industrija, ngħollu l-livell ta’ dak li huwa meħtieġ biex persuna tkun tista’ taħdem f’dan ix-xoghol.

Ser tagħtina għodda ta’ infurzar biex min jaħseb li jista’ jagħmel ta’ rasu ikun f’riskju ta’ sospensjoni tal-liċenzja jew il-kanċellament tagħha. Dan aħna qegħdin nagħmluh għaliex irridu li jkollna l-għodod kollha meħtieġa biex ngħollu l-kwalità.

Ngħollu l-kwalità ukoll billi jkollna aktar taħrig. It-taħriġ huwa kruċjali jekk mhux essenzjali. Meta qed nitkellem dwar taħriġ mhux qed nitkellem dwar taħriġ biss fil-livell ta’ skills fil-livell ta’ ħaddiema tas-sengħa, imma qed nitkellem dwar taħriġ fil-livell ta’ professjonijiet. U hawn irrid ngħid li matul din is-sena iddedikajna ħinijiet twal, flimkien mal-Kamra tal-Periti, flimkien mal-MDA u diversi organizzazzjonijiet u unions, fejn rajna u evalwajna kif aħna nistgħu nagħmlu qafas aħjar u kif nistgħu nimpenjaw iżjed anke b’regolamentazzjoni biex aħna ngħollu dan il-livell.

Nista ngħid ukoll li f’din id-diskussjoni kbira fejn jidħol il-liċenzjar tal-kuntratturi żgur illi tatna insights fejn għandna nirrevedu u fil-fatt qegħdin nirrevedu anke fejn per eżempju għandu x’jaqsam il-kwistjoni tal-insurances. Insurances għal waqt li qed isir ix-xogħol, it-tipi ta’ insurances, meta hemm bzonn kopertura, u minn hawnhekk irrid nirringrazzja lil dawk l-entitajiet kollha, l-insurances association, brokers, MDA u oħrajn li flimkien kellna diskussjonijiet ta’ sigħat twal li fihom nevalwaw u flimkien nfasslu t-triq ‘l quddiem dwar kwistjonijiet li forsi maż-żmien ħarisna n-naħa l-oħra. Jiena ma nemminx li għandu jkollna deċiżjonijiet li jkunu reazzjoni għal xi ħaġa ohra u f’dan ir-rigward bħala Gvern nemmnu illi dawn il-bidliet irridu npoġġuhom f’qafas ta’ pjan ta’ kif se nkomplu nġeddu u nibdlu l-affarijiet. Qafas ta’ strateġija li jispjega kif se nkomplu mmexxu l-affarijiet.

Nista’ insemmi diversi bidliet oħraj marbuta ma’ kwalità għola, is-saħħa u s-sigurtà fil-kostruzzjoni. Rajna wisq nuqqasijiet u għaddejna minn wisq esperjenzi koroh biex aħna ma nibqgħux inżidu l-impenn tagħna biex ngħollu l-livell f’dan il-qasam. Hemm diversi punti li ġew diskussi f’din il-konferenza inkluż il-kelma – burokrazija. Bħala Ministeru bil-BCA, PA u OHSA taħt kappa waħda, qed naħdmu b’impenn lejn aktar kollaborazzjoni bejn l-entitajiet, xi ħaġa li l-partijiet interesatti talbu għal żmien twil. U biex isir dan, qegħdin inħarsu b’mod diġitali – illum id-dinja diġitali tagħtik pjattaformi fejn wieħed jista’ jaghmel aktar xogħol b’investiment, infatti kemm l-OHSA u kemm il-BCA qegħdin f’fażijiet differenti li ninvestu somom sostanzjali biex ikun hemm qafas ta’ IT u software aħjar biex ikollna aktar proċessi diġitali u li fuq kollox ikollna l-pjattaformi meħtiega bħalma ghandna fil-PA, ikollna proċessi li jistgħu joqorbu u jaħdmu flimkien. Dawn huma affarijiet li rridu nitkellmu dwarhom għaż-żmien li ġej. Iżda nistgħu nagħmlu dan ghax bħala gvern aħna impenjati li nistgħu nisimgħu u niddiskutu, u li aħna nagħmlu dawn il-bidliet kollha with a stakeholder approach.

Il-bidliet iridu jsiru billi l-gvern jiddeċiedi dwar ir-regolamentazzjoni. Mill-banda l-oħra,l-operaturi kollha u dawk kollha involuti iridu jirrealizzaw li jridu jinbidlu l-affarijiet. L-esperjenza tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi fil-fehma tiegħi kienet esperjenza pożittiva, mhux waħda faċli imma flimkien wasalna u flimkien se nkomplu nibdlu l-affarijiet għaliex nemmen li hemm ir-rieda. Xtaqt li nagħmel żewġ aċċenni fuq il-punt tas-sostenibbiltà.

Aktar milli sostenibbiltà finanzjarja, li kien hemm ohrajn li semmewha f’dan il-forum, li jorbot ma’ dak li għidt aktar kmieni hu li nifhmu ahjar x’ser joffri l-futur, fejn ser nieħdu lil pajjiżna u kif se nitħejjew għall-ħtiġijiet li se nfasslu llum. Hemm aspett ieħor tas- ostenibbltà fejn jidħol aktar effiċjenza enerġetika fil-binjiet tagħna. Matul din is-sena wasalna fil-fażijiet aħħarija biex nikkonkludu Dokument F ġdid, li ser jirregola l-aspett ta’ energy efficiency in buildings u kif se nkunu qed nagħmlu l-EPCs.

Fix-xhur li ġejjin anke dan iċ-ċeritifkat se jkun qed jiġi mġedded u mtejjeb u aġġornat għall-ħtiġijiet tal-lum, però nemmen bis-sħiħ li d-diskussjoni tagħna żgur trid aktar għarfien fuq kif se mmexxu l-affarijiet ‘il quddiem, marbut mal-kwistjoni tal-finanzjament tal-ESG reporting. Il-Banek qed jieħdu approach differenti fejn qed iħarsu aktar bir-reqqa fejn tidħol din is- sostenibbiltà.

Esperjenza bħal tal-lum hija importanti ferm għaliex iġġib nies minn oqsma differenti li jitkellmu flimkien, importanti għaliex qed titkellem fuq statistiċi u riċerka, hija okkażjoni li b’mod ċar, b’mod l-aktar miftuħ, naraw fejn hemm il-problemi, nidentifikaw is-soluzzjonijiet li jkunu ta’ għajnuna kbira biex il-gvern u l-awtoritajiet jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Li huwa ċar huwa li rridu nkunu onesti magħna nfusna, nitgħallmu mil-lezzjonijiet u l-esperjenzi kollha li kellna matul is-snin, kienu x’kienu. U nifhmu fejn morna ħażin, fejn għamilna għażliet hżiena, iżda nħarsu lejn dawn il-każijiet biex naraw li nagħmlu l-għażliet it-tajba fil-ġejjieni. Pajjiżna għadda minn ħafna.

Pajjiżna li huwa żgħażugħ, 60 sena mill-indipendenza ‘l hawn, pajjiżna bla riżorsi, blata f’nofs ta’ baħar, irnexxielu jkollu tkabbir ekonomiku meraviljuż. Dan is-settur lagħab rwol importanti. Iżda dan is-settur, il-formola tiegħu trid tkompli tiġi aġġornata u rridu nħarsu lejn dak li huwa meħtieġ biex verament inbiddlu l-affarijiet.

Nemmen li fil-ħidma tiegħi bħala Ministru responsabbli, id-djalogu, id-diskussjoni u l-konsultazzjoni huma importanti imma fl-aħħar mill-aħħar trid tittieħed deċizjoni. Id-deċiżjoni li l-affarijiet immexxuhom ‘il quddiem, li nwettqu r-riformi kollha meħtieġa, li jkollna l-kuraġġ li niftakru ħaġa waħda – li l-futur jiddependi mill-għażla tal-lum.  

Grazzi.