L-ambjent li ngħixu fih u l-kwalità tal-ħajja huma importanti ħafna. Il-Gvern huwa konxju tal-importanza li l-Maltin u l-Għawdxin jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba u għalhekk huwa impenjat li jkompli jaħdem qatigħ biex jagħti dehra isbaħ u aktar vibranti lill-lokalitajiet tagħna fejn ikun hemm sens akbar ta’ komunità, aktar spazji miftuħa għall-familji u faċilitajiet aħjar u aktar moderni.

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huwa fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma. Il-ħidma mwettqa mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi hija waħda mifruxa u tmur lil hinn minn xogħol ta’ manutenzjoni u tiswijiet fuq it-toroq u fuq il-bankini kif forsi wħud jaħsbu. Ix-xogħol tad-Dipartiment huwa wieħed ta’ appoġġ għall-kommunitajiet tagħna fl-ibliet u l-irħula Maltin. Dan jinkludi xogħol f’ġonna pubbliċi u f’parks, xogħol ta’ tisbieħ ambjentali kif ukoll xogħol ta’ restawr u rinovar ta’ binjiet li nsibu fil-lokalitajiet tagħna.

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iservi ta’ spalla u qed joffri assistenza importanti f’ħidmiet li qed nagħmlu fuq livell lokali mal-Kunsilli Lokali kif ukoll ma’ għaqdiet non-governattivi. F’dawn l-aħħar snin dan id-Dipartiment għadda minn process ta’ trasformazzjoni għax qed jimmira li jkun konformi mal-miri tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli. Dan jinkludi l-irrinovar tal-binjiet li jintużaw, investiment f’makkinarju ġdid, sistemi tat-tekonoloġija tal-informatika moderna u taħriġ tal-ħaddiema. Wara li sar l-irrinovar ta’ Project House biex saret binja kważi ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju, kien imiss lid-diversi uffiċini distrettwali tad-dipartiment li jibdew jiġu rinovati kif fil-fatt qed isir bħalissa.

Fid-dawl tar-realtajiet li qed ngħixu fihom attwalment, nemmen li l-ispazji miftuħa u l-ġonna huma parti integrali mill-komunitajiet tagħna u għandhom rwol ċentrali f’ħajjitna. Għalhekk matul din is-sena sar investiment qawwi u xogħol estensiv ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi lokalitajiet fosthom fl-Imdina, San Ġwann, Birżebbuġa, in-Naxxar, ir-Rabat u Baħar iċ-Ċagħaq.

Tlestew ix-xogħlijiet fuq il-bandli tal-Imdina, iż-żona issa tinsab mgħammra b’bandli ġodda u faċilitajiet moderni  li se jżidu l-effiċjenza fl-enerġija. Din is-sena ġie ffirmat ukoll Memorandum of Understanding  bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa biex jittranġa Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa.  B’dan il-ftehim, id-Dipartiment se jkun qed jipprovdi l-ħaddiema, il-materjal u s-servizzi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Ġie iffirmat ukoll Memorandum of Understanding bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann biex jitranġa Ġnien George Zarb u qed isir ukoll xogħol ta’ tisbiħ, rinovar u manutenzjoni tal-ħitan u l-binjiet ta’ Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija.

Diversi minn dawn il-proġetti qed isiru possibbli wkoll bl-għajnuna ta’ fondi tal-Awtorità tal-Ippjanar. Fost l-ispazji miftuħa u ġonna li ġew inawgurati din is-sena nsibu l-outdoor gym fin-Naxxar fejn sit li kien abbandunat inbidel f’wieħed li issa se jintuża għall-eżerċizzju fiżiku, spazju miftuħ fil-qalba tar-Rabat magħruf bħala Ġnien Bir l-Iljun u spazju miftuħ f’Baħar iċ-Ċagħaq. Fl-istess waqt, komplejna nlestu aktar fażijiet fil-proġett  tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, wara li aktar kmieni din is-sena ġie inawgurat l-ispazju għall-Arti u t-Teatru biex jintuża għall-proġetti kulturali. Fiż-żmien li ġej mistenni jkun konkluż ukoll ix-xogħol fuq il-car park ta’ dan il-Park u titlesta’ l-concert area.

Dan huwa proġett għal qalbi ħafna li b’ħidma kollettiva ta’ ħafna nies qed joffri l-akbar spazju miftuħ għall-familji tagħna.

Proġett ambizzjuż ieħor li sar mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi din is-sena huwa r-restawr u r-rikostruzzjoni tal-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq għall-istat oriġinali tagħha. Dan wara li ġarrbet ħsarat kbar fil-maltempata f’Marzu 2022. Il-ħidma li saret fuq il-Mitħna tax-Xarolla turi l-impenn tal-Gvern ċentrali fil-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Aktar kmieni din is-sena ħabbarna li se jiġi restawrat iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi. Dan il-proġett mistenni jkun konkluż is-sena d-dieħla. Proġett ieħor mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li mistenni jkun lest is-sena d-dieħla huwa r-restawr fuq tal-Funtana tal-Iljun tal-Floriana.

Mill-banda l-oħra, it-Taqsima tal-Ħarsien tal-Kosta fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se tkun qed tibda fost oħrajn proġett estensiv fil-bajja tal-Veccia f’San Pawl il-Baħar biex nipproteġu l-kosta mill-erożjoni li qed iseħħ b’ritmu mgħaġġel. L-għan jibqa’ li nħarsu l-kosta u anke l-propjetajiet li jmissu magħha f’dawn l-inħawi minn ħsara kkaġunata mill-elementi.

Dan ix-xogħol u dawn il-proġetti kollha ma jkunux jistgħu jsiru mingħajr il-ħidma sfieqa ta’ mijiet ta’ ħaddiema b’ħiliet u professjonijiet differenti li jaħdmu fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Il-ħidma li jagħmlu b’tant dedikazzjoni għall-ġid tal-komunità jixirqilha kull tifħir. Bħala Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar kommess li nkompli naħdem ukoll bl-għajnuna tal-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra non-Governattivi biex noħolqu aktar proġetti sostenibbli għall-ġid tal-komunità fil-qalba tal-irħula u l-ibliet tagħna.