Din kienet sena ta’ bidliet kbar u importanti li twettqu mill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar fejn daħħalna numru ta’ riformi importanti fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni. Dawn il-bidliet huma parti mill-programm ambizzjuż ta’ tiġdid li qed jitwettaq mill-Gvern f’dan is-settur bl-għan li nimxu lejn aktar responsabbiltà, serjetà u kwalità ogħla. Fid-dawl ta’ dan, irridu nissottolinjaw ukoll li l-ħaddiema huma l-aktar riżorsa importanti f’pajjiżna. Għalhekk permezz ta’ dawn il-bidliet qed niżguraw li l-ħaddiema jkunu fiċ-ċentru tar-riformi li nwettqu sabiex nipproteġuhom.

Is-settur tal-bini u l-kostruzzjoni kiber b’ritmu mgħaġġel ħafna fl-aħħar snin minħabba li kien hawn domanda akbar għall-propjetà. Dan kien rifless fl-aħħar snin fejn f’pajjiżna kellna attività kbira f’dan is-settur. Minħabba f’hekk inħass il-bżonn li nintroduċu riformi ġodda biex is-settur jiġi regolat aħjar ħalli jirrispekja r-realtajiet ġodda tal-lum u jiżgura li l-ħaddiema jkunu mħarrġa bil-ħiliet neċċessarji biex jaħdmu x-xogħol rikjest minnhom.

Biex inħarsu aħjar is-saħħa u s-sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni u ndaħħlu aktar kontabbiltà fost dawk li jaħdmu fis-settur fil-bidu ta’ din is-sena neddejna process ta’ konsultazzjoni dwar l-irwol tal-project supervisors. Dan huwa pass pożittiv lejn id-direzzjoni t-tajba biex is-superviżuri tal-proġetti jingħataw is-setgħat kollha meħtieġa f’siti ta’ kostruzzjoni biex jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom. Fl-istess waqt, l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-kuntratturi, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema ġew spjegati f’aktar dettal biex ikun hemm aktar ċarezza dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom.

Marbut ma’ din ir-rifoma sabiex niggarantixxu aktar is-saħħa u s-sigurtà fost il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol neddejna White Paper għall-konsultazzjoni pubblika. Din tipproponi fost oħrajn strumenti amministrattivi ġodda li ser jgħinu lill-Awtorità tkun aktar effettiva u effiċjenti fl-infurzar tagħha u żidiet fil-penali amministrattivi li tkun tista’ timponi l-Awtorità.

Riforma oħra kruċjali li daħħalna kienet il-liċenzja tal-kuntratturi biex tirregola lil min iwettaq xogħol ta’ twaqqiegħ, skavar u bini biex tassigura li min jaħdem ikollu l-ħiliet neċċessarji u twassal għal titjib fl-istandards tax-xogħol. Din ir-riforma ġiet imneddija permezz ta’ konsultazzjoni pubblika mill-aktar wiesgħa fejn matulha kellna ċans nisimgħu, niddiskutu u nixtarru sew il-fehmiet tal-partijiet kollha interessati. Wara li intemmet il-konsultazzjoni pubblika daħħlet fis-seħħ l-ewwel fażi ta’ din ir-riforma bir-reġistrazzjoni ta’ aktar minn 3,793 kuntrattur fl-oqsma tat-twaqqiegħ, skavar u bini. B’kollox applikaw 1,754 kuntrattur għal-liċenzja tal-kostruzzjoni, 1,233 għal-liċenzja tat-twaqqiegħ u 806 kuntratturi għal-liċenzja tal-iskavar. Dan juri biċ-ċar li dan is-settur huwa wieħed b’saħħtu u jinkludi fih mijjiet kbar ta’ ħaddiema.

Il-bidla fil-liċenzja tal-bennej ser taħdem id f’id ma’ dik li rat l-introduzzjoni tal-liċenzja tal-kuntratturi hekk kif wieħed mir-rekwiżiti biex tinkiseb din il-liċenzja hija dik ta’ bennej. Permezz ta’ din ir-riforma se jiġu ċċarati l-ħiliet u r-responsabbiltajiet ta’ min ikollu l-liċenzja tal-bennej. Sabiex il-bennejja liċenzjati jibqgħu jiġu aġġornati mat-tibdiliet fis-settur se jkunu wkoll introdott l-obbligu ta’ taħriġ kemm għall-bennejja li diġà huma liċenzjati meta jaslu biex iġeddu l-liċenzja tagħhom kif ukoll dawk li japplikaw għall-ewwel darba.

Inwettqu Flimkien: Minister for Public Works and Planning Stefan Zrinzo Azzopardi launches a Public Consultation on the Licensing of Contractors

L-introduzzjoni tal-liċenzja tal-kuntratturi u l-bidla fil-liċenzja tal-bennej li qed issir din is-sena, se tkun qed tiġi segwita b’aktar inizjattivi biex tiġi sostnuta aktar responsabbiltà, aktar serjetà u kwalità ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni. Fiż-żmien li ġej ser tkompli l-ħidma biex jiġu introdotti skill cards għal min jaħdem f’dan is-settur filwaqt li mistenni jitkompla x-xogħol biex jibdew jiġu introdotti l-kodiċi tal-bini f’pajjiżna.

Nemmnu bi sħiħ li l-ħaddiema jixraqilhom u huwa essenzjali li jkollhom aktar taħriġ. Dan biex ngħollu l-livell ta’ dak li qed nibnu f’pajjiżna, fuq kollox aktar taħriġ għal aktar saħħa u sigurtà f’dan is-settur. Mill-banda l-oħra, il-ħaddiema għandhom bżonn jieħdu ħsieb aktar ta’ saħħithom meta jkunu qed jaħdmu f’siti ta’ kostruzzjoni. L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol se tkun qed twettaq kampanji b’saħħithom ta’ għarfien biex tqajjem aktar kuxjenza dwar is-saħħa u s-sigurtà fost il-ħaddiema li jaħdmu fil-bini u l-kostruzzjoni.

Il-ħaddiema huma fiċ-ċentru ta’ dawn ir-riformi u fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Gvern. Għaldaqstant, se nibqgħu kommessi li naħdmu u nixprunaw ‘il quddiem bidliet fis-settur tal-kostruzzjoni biex inħarsu u nipproteġu lill-ħaddiema waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Madanakollu, dawn il-bidliet jistgħu jirnexxu biss bl-involviment u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet kollha interessati. Għalhekk nappella lil kull min b’xi mod jew ieħor huwa involut fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni biex ikun parti mill-bidla li qed nwettqu biex nimxu għal kwalità ogħla f’dan is-settur u nħarsu s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jaħdmu fis-settur.