Fl-istil ta’ ħajja tagħna l-Maltin hemm ħafna karatteristiċi li jiddistingwuna – uħud sbieħ u forsi oħrajn inqas. Iżda li hu żgur huwa li aħna popla b’qalb tad-deheb. Qalb li tħoss u tħenn għal min jinsab batut u fil-bżonn u xhieda ta’ dan, bla dubju huwa jum l-Istrina fejn ta’ kull sena l-għada tal-Milied, isir sforz nazzjonali biex jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund. Din is-sena għal darboħra reġa’ nkiser ir-rekord bis-somma sabiħa ta’ €5.27 miljun.
Minkejja li jkollna diversi inizjattivi ta’ solidarjetà matul is-sena fejn il-poplu Malti dejjem jagħti kontribut, f’dan iż-żmien tal-Milied il-poplu jerġa’ jwieġeb b’aktar saħħa u b’aktar ġenerożità. Kulħadd ikollu l-ispejjeż tiegħu partikolarment f’dan iż-żmien ta’ festi iżda xorta waħda l-maġġoranza tal-Matin jħossu li, minn kif jistgħu, għandhom jgħinu billi jagħtu d-donazzjoni tagħhom. U hekk malli jibda joqrob il-Milied, u tibda tisma’ dik id-domanda kważi spontanja dwar l-Istrina, “tgħid din is-sena tinqabeż is-somma tas-sena li għaddiet?”, ir-risposta tkun “iva”, sena wara l-oħra din is-somma tkompli tikber. Għax il-Maltin iħossu għal ħaddieħor u l-fatt li aħna poplu żgħir, fina hemm l-ispirtu ta’ familja waħda. Familja li tifhem xi jfisser meta jkollok ħabta u sabta tieqaf mir-rutina tal-ħajja u tmur f’pajjiż ieħor għal kura mingħajr ma taf meta se tiġi lura. Illum nistgħu ngħidu li din ir-realtà ħafna minnha missew magħha jew b’esperjenzi personali, jew ta’ qraba jew ħbieb.
Il-Malta Community Chest Fund għalhekk teżisti. Għas-serħan il-moħħ. Li minkejja il-problemi ta’ saħħa, hemm min se jagħmel minn kollox biex jgħinek. Għalhekk ta’ kull sena bi ħġari immur nagħti l-parti tiegħi f’din il-maratona. Din is-sena terġa’ kienet aktar speċjali għax mort flimkien ma’ Silvana, Federico u Emilia. Xi ħaġa sabiħa li fost l-attivitajiet kollha tal-Milied, morna bħala familja biex nagħtu s-sapport tagħna. Waqt li kont hemm ukoll ppreżentajt is-somma sabiħa ta’ €780 li nġabret waqt attività soċjali li oragnizzajna għal żmien il-Milied.
Iżda dan fil-verità huwa farka fejn il-kontribut li jagħtu l-mijiet ta’ voluntiera biex l-Istrina tkun suċċess. U dan mhux biss l-għada tal-Milied, iżda matul is-sena kollha. L-attivitajiet kollha li jiġu organizzati matul is-sena b’risq l-Istrina huma ħafna u x-xogħol li jirrikjedu huwa kbir. U hawn ma nistax ma nsemmix lil President George Vella u s-Sinjura Vella li bla dubju huma l-akbar ambaxxaturi tal-Istrina. Id-dedikazzjoni tagħhom u l-impenn favur din l-iniżjattiva huma tassew speċjali.
Aktar kmieni din is-sena flimkien ma’ Silvana ġejt mitlub nakkumpanja lil President waqt żjara statali fl-Awstralja. Opportunità mill-isbaħ li niltaqa’ ma ħafna Maltin lil hinn minn xtutna li għadhom iħobbu lill-art twelidhom u l-memorji ta’ tfulithom. Kienet iżda fuq kollox opportunità għalija li nsir naf aktar mill-qrib lill-President George Vella. Persuna tassew b’qalbi kbira li forsi anke minħabba l-professjoni li ġej minnha ta’ tabib, kapaċi jifhem u juri kumpassjoni ma min jinsab batut. U propju għalhekk forsi li din is-sena stajt nifhem aħjar xi tfisser għalih il-Malta Community Chest Fund.
Minn qalbi nirringrazzja lil kull min b’xi mod jew ieħor ta l-għajnuna fl-Istrina ta’ din is-sena. Ejja dejjem nħaddnu u ngħożżu dak li jgħaqqadna. Dan huwa impenn soċjali li għandna kollha kemm aħna biex nkunu hemm għal xulxin. Biex nibqgħu dejjem poplu wieħed b’qalb kbira.