Hekk kif konna qed noqorbu lejn l-aħħar ftit ġranet tal-kampanja elettorali, fi 19 ta’ Marzu qomna maħsudin bl-aħbar li r-riħ qawwi li ħakem lil pajjiżna tul dak il-lejl ikkawża ħsarat estensivi fuq il-Mitħna tax-Xarolla fiż-Żurrieq. Minnufih mort fuq il-post biex nara kif nista’ nkun ta’ għajnuna. Hemm sibt lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li kienu qed ineħħu l-antenni mkissrin u kull ma seta’ kien ta’ periklu flimkien mal-ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li fl-immedjat ħadu nota tal-ħsarat u tat-tiswijiet li kien hemm bżonn isiru. Fuq il-post ltqajt ukoll mas-Sindku Rita Grima u wegħdtha li ħa naħdem biex isiru dawn it-tiswijiet fl-iqsar żmien possibli.
Eżattament ġimgħa wara dan l-aċċident, il-poplu Malti u Għawdxi reġa’ għal darb’oħra ta mandat ċar ta’ fiduċja lill-Partit Laburista u lili personali fejn għat-tieni darba ġejt elett biex nirrappreżenta lir-residenti tal-Ħames distrett. Ftit ġranet wara, l-Prim Ministru Robert Abela għoġbu jaħtarni Ministru għall-ewwel darba, responsabbli propjru mix-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar. Hekk kif kont wgħedt lis-Sindku u anke fuq ix-xewqa tal-istess Prim Ministru, fl-immedjat bdejt naħdem flimkien mad-Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet Pubbliċi l-Perit Setphen Bonello, biex isiru it-tiswijiet meħtieġa biex il-Mitħna tax-Xarolla terġa’ tibda titgawda mill-ġdid mill-Maltin u l-barranin.
Għal darb’oħra erġajt mort fuq il-post u flimkien mas-Sindku, mad-Direttur Ġenerali u mas-Senior Technical Officer tat-Taqsima tal-Mastrudaxxi, ħabbarna l-bidu tax-xogħol minnufih. Għalhekk, is-sitt arbli ta’ 30 pied il-wieħed magħrufa bħala l-antarjoli ser isiru ġodda u digà ġew ordnati. Se jsiru ukoll mill-ġdid l-antenni li jżommu l-qlugħ tad-drapp, it-travu ċentrali (il-pastaż) u ser jinbidlu l-ventijiet kollha.
Nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tax-Xogħlijiet Pubbliċi tax-xogħol kollu li jwettqu ta’ kuljum fil-komunitajiet tagħna.
Dan ix-xogħol huwa mistenni li jitlesta aktar tard din is-sena. Hawn nixtieq nagħmel ringrazzjament speċjali lill-ħaddiema kollha tax-Xogħlijiet Pubbliċi mhux biss talli se jkunu qed jieħdu ħsieb dawn it-tiswijiet iżda tax-xogħol kollu li jwettqu ta’ kuljum fil-komunitajiet tagħna. Ninsab determinat li nkompli naħdem biex dan id-dipartiment ikompli jissaħħah b’aktar nies, kemm professjonisti kif ukoll tas-sengħa, u b’aktar taħriġ biex inżidu l-effiċjenza u l-kwalità tax-xogħol.
Dan huwa biss il-bidu ta’ ħidma kontinwa biex insarfu l-mandat ta’ fiduċja li tagħna il-poplu f’aktar ġid, f’aktar servizzi u fi kwalità ta’ ħajja aħjar.