Nhar l-Erbgħa, 30 ta’ Marzu, ġejt maħtur bħala Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar. Dan propju f’għeluq snin l-għażiża ommi li kienet preżenti ma’ marti u uliedi f’dan il-mument sabiħ fil-karriera politika tiegħi. Kburi li se nerga’ nkun ta’ servizz għal pajjiżna u għall-poplu Malti u Għawdxi.
L-ewwel ġurnata fl-uffiċċju tal-Ministeru li l-Prim Ministru Robert Abela għoġbu jafdali f’idejja, nista’ ngħid li kienet ġurnata mill-aqwa fejn kelli l-opportunità niltaqa’ ma’ wħud minn dawk li se nkun qed nikkollabora magħhom biex nimplimentaw programm elettorali illi permezz tiegħu, ksibna mandat ieħor ta’ fiduċja mill-poplu Malti u Għawdxi.
Il-qasam mill-aktar interessanti tax-Xogħlijiet pubbliċi, li xi drabi nemmen li ma kinx qed jingħata viżibilità biżżejjed tax-xogħol kbir li qed jagħmel, huwa dipartiment pjuttost massiċċ u importanti biex inmantnu l-binjiet tal-Gvern fost ħidmiet oħrajn. Huwa qasam li preżentament qed jieħu ħsieb proġetti kbar bħal dak tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali kif ukoll diversi inizjattivi għal spazji miftuħa ġewwa l-lokalitajiet li flimkien mal-Kunsilli Lokali, inħares ‘il quddiem biex nkomplu naħdmu biex insebbħu l-ispazji urbani tagħna.
Rigward l-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, se nkunu qed naħdem biex nilħqu l-miri speċifiċi li għandna fil-manifest elettorali fejn diġà bdejna diskussjonijiet mal-persuni eżekuttivi taż-żewġ entitajiet biex dan iseħħ. Nemmen li dawn iż-żewġ entitajiet għandhom rwol importanti ferm f’kif irridu nkomplu niżviluppaw lil Malta u Għawdex permezz ta’ proċess ta’ ippjanar responsabbli u etiku.
L-Awtortià tal-Bini u l-Kostruzzjoni għandha responsabilitajiet maħsuba biex intejbu l-istandards li bihom isir ix-xogħol tal-bini u fl-istess ħin nipproteġu lil dawk li jgħixu fiż-żona fejn ikun qed isir proġett ta’ żvilupp biex nevitaw inkonvenjenti u danni għal terzi persuni. Sfida oħra kbira li għandha din l-awtorità hija l-konsum tal-enerġija fil-mod kif nibnu biex nilħqu il-miri ta’ dan il-Gvern għall-ekonomija newtrali mill-karbonju.
Għaldaqstant se nkun qed inħares ‘il quddiem li flimkien mat-tim enormi ta’ nies fl-entitajiet kollha involuti f’dan il-Ministeru, nsegwu d-direzzjoni u nimplimentaw il-proposti tal-programm elettorali ta’ dan il-Gvern li fuqu il-poplu tagħna mandat ċar ta’ fiduċja.