Meta nitkellmu ma’ xulxin naprezzaw kemm ix-xogħol individwali tagħna isarraf f’ħidma kollettiva li permezz tagħha jsiru proġetti kbar.
Hekk kif għadna kif iċċelebrajna Jum il-Ħaddiem, nista’ ngħid li fl-ewwel xahar tiegħi bħala Ministru għax-Xogħlijiet u l-Ippjanar, stajt nara mill-viċin ix-xogħol siewi li jsir fid-diversi dipartimenti fi ħdan il-Ministeru. Dan grazzi għas-sensiela ta’ laqgħat li għamilt, u għadni qed nagħmel, mal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. Għalhekk, żort l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni. Żort anke l-uffiċini tal-Dipartment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kif ukoll id-Direttorat tal-Manifattura u Servizz fil-qasam industrijali ta’ Kordin.
Inħoss li dan il-kuntatt huwa kruċjali biex naħdmu tassew flimkien bħala tim wieħed magħqud, biex nifmhu d-diffikultajiet ta’ xulxin u nsibu soluzzjonijiet għalihom. Meta nitkellmu ma’ xulxin naprezzaw kemm ix-xogħol individwali tagħna isarraf f’ħidma kollettiva li permezz tagħha jsiru proġetti kbar għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Żjara oħra interessanti kienet fl-Awtorità għas-Sigurtà u s-Saħħa Fuq il-Post tax-Xogħol, propju fil-jum iddedikat għal dan l-għan (28 t’April). Skond studju riċenti mill-International Labour Organisation (ILO), meta jkun hemm komunikazzjoni miftuħa bejn min iħaddem u l-impjegati rigward is-saħħa u s-sigurtà, l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol jonqsu b’64%, u każijiet li jirrikjedu dħul l-isptar jonqsu b’58%. Statistika interessanti li turina kemm il-komunikazzjoni bejnietna tgħina nifmhu r-responsabbiltajiet ta’ xulxin biex niggarantixxu s-sigurtà għalina u għal ta’ madwarna. Biex niggarantixxu li min filgħodu joħroġ għax-xogħol, filgħaxija jasal id-dar qawwi u sħiħ u jerġa’ jingħaqad mal-familja.
L-inizjattivi, l-iskemi u l-attivitajiet li torganizza din l-Awtorità nemmen li huma kruċjali biex il-postijiet tax-xogħol tagħna jkunu konformi mar-regolamenti tal-istess awtorità. Tajjeb wieħed isemmi li matul l-2021 saru ‘l fuq minn 4,000 spezzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol u fejn kien meħtieġ, ingħataw anke multi jew twaqqaf l-operat tal-kumpanija kompletament. Dan l-infurzar jeħtieġ ukoll is-sapport tal-imsieħba soċjali biex tassew noħolqu ‘tolleranza żero’ għal kull tip ta’ abbuż li jmur kontra is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem. Fil-korp legali tagħna, l-kwistjoni ta’ health & safety, ma taqax biss taħt l-Awtorità iżda hemm ukoll obbligi u oneri fuq kull min iħaddem kif ukoll fuq kull ħaddiem.
Għalhekk nemmen li biex noffru ambjent san u sikur lil ħaddiema tagħna rridu l-ewwel nitkellmu magħhom. Irridu nisimgħu u nifmhu id-diffikultajiet tagħhom biex flimkien noħolqu l-post tax-xogħol li jixirqilhom. Fejn hemm id-djalogu hemm ukoll l-għaqda u r-rispett. Hekk biss nistgħu nagħmlu differenza u nkomplu mmexxu lil pajjiżna ‘l quddiem bil-ħidma tagħna.