Is-settur ambjentali, kif wegħdna fl-aħħar kampanja elettorali, se jkun pilastru importanti fil-politika ta’ dan il-Gvern għall-ħames snin li ġejjin. Hekk kif ħriġna miż-żmien instabbli li ġabet magħha l-pandemija, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fl-2022 kompliet taffettwa s-swieq tal-enerġija, u kkawżat żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija u tħassib dwar il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tiżgura l-provvista tal-enerġija tagħha. Għalhekk, aktar minn qatt qabel, irridu ninvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva biex innaqqsu d-dipendenza ta’ pajjiżna fuq l-importazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija. Barra minn dan, kif tħeġġiġna l-istess Unjoni Ewropea, irridu naħdmu lejn in-newtralità klimatika billi nieħdu dawk il-miżuri kollha li hemm bżonn biex innaqqsu l-emmissjonijiet ħalli nilħqu l-mira Ewropea li sas-sena 2050 jispiċċaw l-emmissjonijiet tal-karbonju fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Bħala Gvern din se tkun prijorità assoluta u fost id-diversi miżuri ambjentali preżenti, qed naħdmu qatiegħ biex nsibu mezzi kif il-binjiet pubbliċi tagħna jkunu rinovati b’tali mod li jsiru ferm aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Xhieda ta’ dan, huwa il-proġett li qed joqrob lejn tmiemu, dak tar-rinovazzjoni tal-binja tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, magħrufa aħjar bħala Project House.
Dan l-investiment ta’ madwar €4 miljuni minn Fondi Ewropej se jagħmel din il-binja aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija permezz tal-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi mal-faċċata, u tibdil fl-insulazzjoni ta’ fuq il-bejt. Ġiet ukoll ċentralizzata is-sistema tal-arja kondizzjonata għal aktar effiċjenza u tibdil fl-infrastrutta ta’ twieqi għal double-glazed windows. Mill-aspett estetiku, din il-binja giet ukoll miksija bil-ġebla tal-qawwi t’Għawdex u ngħatat dehra ferm isbaħ u attraenti.
B’interventi bħal dawn irridu nkomplu nimxu fid-direzzjoni tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Ir-rinnovazzjoni ta’ Project House se tkun mudell għal proġetti oħra ta’ dan it-tip. Irridu nibdlu l-binjiet amministrattivi ta’ pajjiżna f’sorsi ta’ enerġija alternattiva u f’ambjent isbaħ u aktar komdu għal min jaħdem fihom. Irridu ninkoraġġixxu anke s-settur privat jinvesti fi proġetti simili biex tiżdied l-effiċjenza u s-sigurtà tal-ħaddiema waqt il-ħin tax-xogħol. Fuq l-istess linja, ħabbarna wkoll it-tibdil totali tas-saqaf tal-workshop tad-Direttorat tal-Manifattura u Servizzi f’Kordin. Anke b’dan l-investiment ta’ madwar €800,000 se nkunu qed naraw li l-istruttura l-ġdida tkun magħmula b’mod li tkun tista’ takkomoda fuqha sistema ta’ panelli li tkopri l-enerġija meħtieġa għall-operat ta’ dan il-post.
B’interventi bħal dawn irridu nkomplu nimxu fid-direzzjoni tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Kif anke tħeġġiġna l-Kummissjoni Ewropea fil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent 2020-2024, il-kunsiderazzjonijiet ambjentali jridu jiġu ntegrati f’kull attività jew deċiżjoni politika li tittieħed biex nilħqu dawn il-miri kemm jista’ jkun malajr. Inħares ‘l quddiem biex permezz ta’ din it-tranżizzjoni, nkomplu nnaqqsu d-domanda għall-enerġija minn sorsi tradizzjonali b’investimenti innovattivi u ekoloġiċi għal kwalità ta’ ħajja aħjar.