Illum pajjiżna qed jgawdi minn rata qawwija ta’ ħolqien tax-xogħol u naħseb li huwa opportun ħafna illi, filwaqt li nifirħu b’dawn ir-riżultati ekonomiċi f’dan il-qasam, inħarsu anke lejn dawk li huma l-awtoritajiet illi jagħtu t-tħaris meħtieġ biex nassiguraw li f’pajjiżna jkollna xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet xierqa. Huwa dritt ta’ kull ħaddiem li jkollu post tax-xogħol sikur u huwa obbligu ta’ min iħaddem illi joffri dan lill-impjegati tiegħu. Kull ħaddiem iżda, għandu wkoll d-dmir li josserva dak li huwa meħtieġ minnu biex titħares is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kemm tiegħu kif ukoll ta’ dawk ta’ madwaru.
L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) trid tkun il-katalist biex insaħħu kultura favur dan il-għan. Ma nistgħux nħarsu lejn dan il-qasam bħala obbligu legali biss jew bħala kwistjoni ta’ kemm din l-Awtorità tħarrek nies li ma jimxux mal-liġijiet kkonċernati. Jeħtieġ li nkunu aktar pożittivi. Irridu nħarrġu aktar ħaddiema biex jaħdmu mingħajr ma jipprerikolaw ħajjithom jew saħħithom. Irridu nagħmlu impenn ċar kif nindirizzaw din ir-realtà biex insaħħu l-ħidma li qed issir u nkomplu nżidu mad-diversi inizjattivi biex inkomplu nwasslu dan il-messaġġ kemm mal-ħaddiema Maltin kif ukoll mal-ħaddiema barranin li jiġu jaħdmu fostna.
Huwa dritt ta’ kull ħaddiem li jkollu post tax-xogħol sikur u huwa obbligu ta’ min iħaddem illi joffri dan lill-impjegati tiegħu.
Mill-esperjenza tiegħi kemm bħala avukat kif ukoll fid-diversi rwoli li servejt, tgħallimt dwar il-ħafna sfidi li din l-Awtorità trid tiffaċċja ta’ kuljum. Issa li jien il-Ministru responsabbli mill-istess Awtorità, qed nsegwi aktar mill-qrib il-ħidma kontinwa li ssir b’dedikazzjoni u motivazzjoni kbira li fil-fehma tiegħi, jixirqilha aktar apprezzament mis-soċjetà. Għaldaqstant, nixtieq nirrangrazzja lil bord, lil Kap Eżekuttiv, u lill-ħaddiema kollha illi naf kemm huma dedikati fix-xogħol tagħhom. Kelli l-opportunità li nitkellem magħhom u diġà bdejna diskussjoni wiesgħa ħafna dwar kif irridu nsaħħu l-operat ta’ din l-Awtorità.
Fl-estimi finanzjarji ta’ l-Awtorità li ppreżentajt fl-ewwel diskors tiegħi ta’ din il-leġislatura fil-Parlament, ħabbart li se jkun qed isir investiment ta’ €150,000 fi proġett kapitali li jinkludi l-iżvilupp ta’ Management Information System, web portal ġdid, u titjib fil-hardware eżistenti. Dan huwa investiment importanti sabiex nagħtu aktar għodda lill-uffiċċjali ta’ din l-Awtorità kif ukoll biex nagħmlu pass ieħor lejn id-diġitalizzazzjoni bħala parti integrali mill-viżjoni tal-Gvern biex ikollna qafas diġitali b’saħħtu f’kull entità. Barra minn hekk beħsibna nsaħħu din l-Awtorità b’żieda ta’ uffiċċjali fi ħdanha biex nsaħħu kemm l-operat kif ukoll l-preżenza u s-sorveljanza fejn meħtieġ fuq il-postijiet tax-xogħol.
Żgur li din l-Awtorità tista’ tgħin biex aħna nkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Irridu niggarantixxu li l-postijiet tax-xogħol tagħna jkunu l-aktar ambjent san u sikur possibbli fejn ħaddiem imur jaħdem. Irridu nifmhu aktar x’inhuma r-riskji u nħeġġu lill-employers biex jimplimentaw dak kollu li jnaqqas il-periklu fuq il-post tax-xogħol. Irridu naraw li kull ħaddiem filwaqt li jmur għax-xogħol u jaqla’ l-għajxien tiegħu, jkun qed jaħdem f’ambjent komdu li jirrispetta s-saħħa u s-sigurtà tiegħu.