Fl-aħħar jiem iffirmajt f’isem il-Gvern Malti il-ftehim finanzjarju li bih Malta ser tirċievi għotja ta’ ftit inqas minn €320 miljun mill-Fond Ewropew għall-Irkupru u r-Reżiljenza magħruf bħala Next Generation EU. Għan-naħa tal-Kummissjoni Ewropea iffirma l-Kummissarju għall-Ekonomija Paolo Gentiloni. Propju ftit jiem biss wara dan l-iffirmar, wasal Malta l-ewwel pagament ta’ €41 miljun minn dan il-fond bil-għan li pajjiżna jingħata dik l-ispinta meħtieġa biex jibda minnufih jimplimenta investimenti importanti u riformi li kien intlaħaq ftehim dwarhom bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea fix-xhur li għaddew.
Il-Pjan ta’ Malta għall-investimenti minn dan il-fond jinkludi nefqa ta’ madwar 54% mill-allokazzjoni ta’ Malta, f’inizjattivi ambjentali b’appoġġ għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija l-ħadra u ċirkulari u madwar 27% oħra tan-nefqa favur investimenti u riformi għat-tranżizzjoni diġitali. Investimenti u riformi oħra se jsiru skont il-Country Specific Recommendations għal Malta li saru mill-Kummissjoni Ewropea.
Mill-Pjan kollu għall-Irkupru u r-Reżiljenza, €189 miljun se jintefqu biex jindirizzaw inizjattivi favur enerġija nadifa, b’investimenti fir-rinnovar ta’ bini pubbliku u bini kummerċjali tal-privat biex jużaw inqas enerġija. Se jsiru aktar skemi biex il-karozzi tas-servizz pubbliku, il-karozzi tal-privat u anke l-karozzi tat-trasport pubbliku ikunu jaħdmu bl-elettriku biex jonqsu l-emmissjonijiet.
Nefqa ta’ €55 miljun sejra għall-qasam diġitali favur ekonomija diġitali, intelliġenti u reżiljenti. Qed tiġi ppjanata nefqa oħra ta’ €50 miljun biex is-sistema tas-saħħa tkun aktar reżiljenti u nefqa ta’ €41 miljun biex jinbena kampus ġdid għall-ITS u b’hekk inkunu qed inkomplu nsaħħu l-edukazzjoni vokazzjonali fil-pajjiż. Qegħda tiġi allokata nefqa ta’ €10 miljuni biex issir id-diġitiliżazzjoni tal-Qrati filwaqt li ħa jkomplu jingħataw spinta ‘l quddiem ir-riformi meħtieġa biex tissaħħaħ il-governanza fil-pajjiż.
Bil-wasla ta’ dan il-pagament imxejna pass iehor importanti lejn l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan għaliex issa se jiskattaw il-proċessi kollha marbuta mal-implimentazzjoni kemm tal-inizjattivi kif ukoll tar-riformi kollha li ntlaħaq ftehim dwarhom mal-Kummissjoni Ewropea.
Qed inħares il-quddiem biex flimkien mal-ministeri kollha involuti fit-twettieq ta’ dan il-pjan, jittieħdu dawk l-azzjonijiet kollha meħtieġa u jkollna investimenti u inizjattivi li se jkunu żgur ta’ gid ghall-poplu Malti. Dan il-pjan se jwassal biex ikollna bidla lejn ekonomija aktar hadra, ekonomija aktar diġitali, investiment fil-qasam tal-edukazzjoni, fis-saħħa u f’dak li għandu x’jaqsam ma’ governanza. Dan huwa x-xogħol importanti li jrid isir mhux biss għall-irkupru tal-ekonomija ta’ pajjiżna iżda wkoll biex jintlaħqu miri importanti li jridu jitwettqu fiz-zmien li ġej.