“B’dawn il-fondi, se nkunu qed ninvestu fl-ikbar riżorsa tagħna: il-bniedem.”
Ftit kienu dawk li ma nnutawx li l-baġit li ppreżentajna iktar kmieni dil-ġimgħa kien wieħed soċjalment, ambjentalment, u ekonomikament ġust. Dan il-baġit, ispirat mill-prinċipji tagħna, jindika bl-iktar mod ċar fejn irridu mmorru fis-snin li ġejjin, u allura, dak il-pajjiż li rridu nħallu lil uliedna.
Baġit ta’ dan it-tip ma jsirx kif ġieb u laħaq: huwa l-frott ta’ xhur ta’ ħidma u konsultazzjoni. Fuq livell Ewropew, nista’ nikkonferma li ħdimna qatigħ biex akkwistajna l-fondi neċessarji biex l-għanijiet tagħna nkunu nistgħu nilħquhom. In-negozjati tagħna ġewwa Brussell taw il-frott, b’allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun, li se jiġu maqsuma fuq is-sitt snin li ġejjin.
Minn dawn il-fondi, ghadna kemm ksibna l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji biex ninvestu għotja ta’ madwar €320 miljun ta’ Fondi Ewropej fil-Pjan tagħna għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Waqt laqgħa tal-ECOFIN li għaliha kont preżenti fil-Lussemburgu kont sodisfatt bir-reazzjoni ta’ Ministri Ewropej għall-fatt li l-pjan tagħna huwa wieħed mill-aktar b’inizjattivi ambjentali minn fost dawk kollha li tressqu mill-Istati Membri. Dan kien konfermat ukoll mill-istess President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von Der Leyen li ftit ġimgħat ilu kienet ukoll fostna.
Ma kienx faċli li niksbu dan l-appoġġ għall-pjani tagħna, iżda kkonvinċejna, għaliex ippreżentajna pjan ta’ modernizzazzjoni u diġitalizzazzjoni li hu sostenibbli, u li se jwassal għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħna fil-prattika.
B’dawn il-fondi, se nkunu qed ninvestu fl-ikbar riżorsa tagħna: il-bniedem. Ser inniedu inizjattivi biex innaqqsu n-numru ta’ żgħażagħ li jagħżlu li ma jkomplux bl-edukazzjoni tagħhom, kif ukoll biex noffru opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħna.
Qed ninvestu wkoll f’saħħet il-bniedem, billi niddedikaw fondi Ewropej għat-tlestija ta’ sptar ġdid speċjalizzat fuq il-mard mentali akut, u l-bini ta’ ċentru ġdid tad-demm, ċelloli, u tessuti, li se jkomplu jelevaw is-servizz ta’ saħħa li nagħtu lil kulħadd bi dritt.
Bħala Gvern, qed niffukaw fuq element kruċjali: dak li noħolqu pajjiż li tieħu gost tgħix fih. Dan qed nagħmluh b’investiment fi spazji ħodor ġodda, b’mod speċjali fiż-żoni urbani tagħna, flimkien ma’ diversi proġetti biex innaqqsu t-tniġġis ta’ madwarna. L-iskola primarja tal-Imsida, ser tkun xempju tal-aqwa prattiċi f’dan il-qasam, għaliex se tkun binjaħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju b’mod kważi assolut. Se ninvestu fondi Ewropej biex jinxtraw aktar karozzi elettriċi u biex jinbnew charging pillars mal-pajjiż kollu. Se jinbena moll ġdid għall-irmiġġ f’San Pawl il-Baħar biex inħeġġu aktar l-użu ta’ trasport alternattiv.
Qed inħeġġu lill-intrapriżi lokali biex jibdu l-mudelli ekonomiċi tagħhom għal mudelli iktar diġitali u ambjentalment sostenibbli, għaliex nafu l-impatt tal-emissjonijiet ta’ korporazzjonijiet u negozji. B’għajnuna ta’ diversi fondi Ewropej, se nkunu qed ngħinu lil dawn in-negozji mhux biss jikbru, iżda jikbru mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-bqija tas-soċjetà.
Fuq livell nazzjonali, l-Gvern ukoll qed jinvesti konsiderevolment biex jibdel u jimmodernizza l-istrutturi interni tiegħu u l-infrastruttura nazzjonali. Il-fondi Ewropej se jkunu qed jassistu d-diġitalizzazzjoni tar-reġistru marittimu, settur li pajjiżna jaħdem qatigħ fih. Se nkunu qed nimplimentaw il-proġett tax-shore-to-ship, li diġà qed jitwettaq fil-Port il-Kbir, ġewwa l-Port il-Ħieles ukoll, u b’hekk inkomplu nsaħħu l-ambjent ta’ Birżebbuġa u l-madwar. Dawn huma proġetti massiċċi li se nibqgħu ngawdu l-benefiċċji tagħhom tul is-snin li ġejjin.
Dak hu s-sabiħ ta’ baġit imfassal għas-soċjetà sħiħa: se nkunu qed nimplimentaw viżjoni fit-tul, li ser televa u tgħin lil kulħadd, mingħajr distinzjoni.