Ftit tal-ġimgħat ilu lqajna fostna lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursulu Von der Leyen u dakinhar kienet iddeskriviet il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza li ressqet Malta bħala l-aktar pjan ambjentali minn fost il-pjani tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Budget għas-sena d-dieħla li ressaq nhar it-Tnejn li għadda l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jkompli jikkonferma l-impenn tal-Gvern Laburista favur l-ambjent. Huwa ħabbar għadd kbir ta’ inizjattivi ambjentali kollha mmirati biex nilħqu l-miri tagħna u tal-Unjoni Ewropea għat-tnaqqis fl-emmissjonijiet minħabba t-tibdil fil-klima u anke biex il-poplu tagħna jgħix f’ambjent aħjar u sostenibbli.
“Is-sena li għaddiet irnexxielna niksbu l-allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2021-2027.”
Is-sena li għaddiet irnexxielna niksbu l-allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2021-2027. Minnhom għandna €320 miljun f’għotja diretta, iddedikati għall-Pjan tagħna għall-Irkupru u r-Reżiljenza li ftit tal-jiem ilu ingħata l-aħħar approvazzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, li għaliha kont preżenti fil-Lussemburgu. Fi ftit ġimgħat oħra għandu jasal pajjiżna l-ewwel pagament ta’ €41 miljun minn dawn il-Fondi biex nibdew nimplimentaw il-pjan tagħna li 54% tiegħu huma iddedikati għall-ambjent.
Huwa bis-saħħa ta’ dawn il-fondi flimkien ma’ fondi programmi oħra tal-Unjoni Ewropea u fondi maħruġa mill-gvern li se nkunu qed inwettqu il-parti l-kbira tal-inizjattivi ambjentali li tħabbru nhar it-Tnejn fil-budget għas-sena d-dieħla.
Fost dawn il-proġetti insibu l-isforzi tal-gvern biex innaqqsu kemm jista’ jkun it-tniġġiż ikkaġunat mit-trasport. Il-miżura li żżid is-sussidju fuq ix-xiri tal-karozzi elettriċi sa massimu ta’ €12,000 hija intiża biex aktar nies jitħajjru jibdlu l-karozzi tagħhom għal dawk elettriċi jew plug-in hybrid. Hemm diversi inċentivi dwar il-karozzi elettriċi marbutin mal-ħelsien mil-ħlasijiet tat-taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ dawn il-karozzi. Fondi Ewropej se jkunu qed jgħinu wkoll fl-istallazzjoni ta’ 1,200 charging pillar madwar il-pajjiż kollu biex ikun aktar faċli għas-sidien tal-vetturi elettriċi biex jiċċarġjawhom.
Anke l-miżura biex it-trasport pubbliku jsir b’xejn għall-Maltin u l-Għawdxin b’seħħ mill-1 ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla għandha titqies bħala inizjattiva oħra ambjentali għaliex dan jista’ jwassal għal tnaqqis fl-użu tal-karozzi privati. B’żieda ma’ dan, se jkomplu l-isforzi tal-Gvern biex jintużaw mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom dak bil-baħar u għal dan il-għan se jinbena moll ġdid fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar li permezz tiegħu jkun jista’ jibda servizz ġdid ta’ trasport bejn din il-lokalita u postijiet oħra.
Issemma wkoll fid-diskors tal-budget xogħlijiet li se jsiru f’diversi skejjel. Insemmi hawn bħala eżempju l-bini mill-ġdid tal-Iskola Primarja tal-Imsida li permezz ta’ Fondi Ewropej se tkun kampjun ta’ skola li tkun kważi ħielsa għal kollox mill-emmissjonijiet tal-karbonju. Xogħlijiet fi skejjel oħra se jsiru bil-għan li dawn jaħdmu b’aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Mhux fil-qasam ambjentali biss il-Fondi Ewropej se jkunu ta’ sostenn għall-budget tas-sena d-dieħla. Issemma ħafna l-emfasi li jeħtieġ isir fuq it-tagħlim u t-taħriġ għaż-żgħażagħ tagħna biex ikomplu jitgħallmu jew jitħarrġu wara li jagħlqu s-sittax-il sena. Hemm imbagħad diversi inizjattivi biex pajjiżna jkompli miexi fid-direzzjoni lejn il-qalba diġitali bi proġetti bħal dak tad-diġitaliżazzjoni tar-Reġistru Marittimu. Fil-qasam tas-saħħa Fondi Ewropej se jkunu iddedikati għall-bini ta’ Sptar għall-mard mentali akut u għall-bini ta’ Ċentru ġdid tad-Demm, Ċelluli u Tissues li jkun wieħed ta’ l-ogħla livell.
Il-Budget għas-sena d-dieħla huwa wieħed b’viżjoni ċara ta’ kif dan il-gvern irid imexxi lil pajjiżna ‘l quddiem. Qed jurina t-triq kif se ngħollu l-livell tal-għajxien tal-poplu tagħna, kif ikollna pajjiż li jirrispetta u jtejjeb l-ambjent li qed ngħixu fih. Ressaqna viżjoni li tieħu ħsieb lil dawk li ħadmu qabilna, lill-pensjonanti tagħna, li jgħin lid-dgħajjef iqum fuq saqajh. Huwa budget li tfassal min-nies, għan-nies li wera tassew x’inhu l-pajjiż li rridu nħallu lil uliedna.