Kemm ili attiv fil-politika dejjem emmint li l-kuntatt man-nies huwa l-aqwa mezz biex politiku jkun jista’ jifforma opinjoni dwar x’inhuma l-ħtiġijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħhom u b’hekk wieħed ikun jista’ jaħdem u jirsisti biex jara li x-xewqat tan-nies jitwettqu.
Nafu li din hija sfida kontinwa għaliex it-tmexxija tal-pajjiż ikollha quddiemha strateġija għall-pajjiż kollu u waqt li tkun qed tmexxi tkun trid tiżen xi jkunu l-prijoritajiet tal-pajjiż fiċ-ċirkostanżi tal-preżent.
Hawnhekk irrid nirrimarka li d-dinja bħalissa reġgħet tinsab fi kriżi propju f’dan iż-żmien meta nistgħu ngħidu li konna bdejna nieħdu ftit tan-nifs wara li għaddejna mill-kriżi tal-pandemija. Bil-kemm konna għadna neħħejna r-restrizzjonijiet kollha li ġabet magħha l-pandemija li ma bdejniex inħabbtu wiċċna mal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Fuq din il-gwerra s’issa nafu biss meta bdiet u l-ħerba li qed iġġib magħha iżda kif se tispiċċa u meta, għadna ma nafux. Anzi jidher li t-theddida li l-affarijiet jistgħu jeskalaw qegħda hemm u nittamaw li jsir sforz ġenwin għall-paċi bejn iż-żewg naħat.
Waqt li għaddej dan kollu, d-dinja qegħda tħabbat wiċċha ma’ kriżi fil-qasam tal-enerġija kkaġunata mill-istess gwerra li ġabet magħha skarsezza partikolarment fil-provvista tal-gass fil-kontinent Ewropew. Hija ħasra li dawn il-provvisti bdew jintużaw bħala arma li tista’ ġġib ukoll tbatija lil ħafna popli fid-dinja. L-iskarsezza ġabet magħha għoli tal-ħajja qawwi fid-dinja kollha għaliex ħafna pajjiżi kellhom jitfgħu il-piż taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija fuq in-nies li bdew jaraw il-kontijiet tad-dawl tagħhom jisplodu. Intrapriżi mad-dinja kollha bdew jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti tagħhom għaliex l-ispiża tal-produzzjoni kibret immens minħabba ż-żieda fil-prezz tal-elettriku. U għandna wkoll lill-Unjoni Ewropea tħeġġeġ pajjiżi Ewropej biex jieħdu miżuri ħalli jnaqqsu l-konsum tal-enerġija fix-xhur kesħin tax-xitwa li ġejja u dan ukoll mistenni jġib tbatija.
B’għażla għaqlija, f’pajjiżna għandna gvern għaqli li għalih il-kwalita tal-ħajja tan-nies tiġi qabel kull kunsiderazzjoni oħra. Wara l-miljuni kbar ta’ Ewro li l-Gvern nefaq biex issussidja l-pagi ta’ eluf ta’ ħaddiema waqt il-pandemija, ma ddejjaq xejn li għal darb’oħra jerġa’ jinvesti miljuni kbar f’sussidju biex il-poplu Malti u Għawdxi baqa’ jgawdi minn prezzijiet tal-enerġija stabbli li ma ħolqu l-ebda skossi għall-ekonomija tal-pajjiż. Il-Gvern wiegħed li se jikkumpensa lill-familji Maltin għall-għoli tal-ħajja u fil-budget li ġej huwa mistenni li jingħataw il-kumpens sħiħ maħdum skont il-mekkaniżmu maqbul bejn l-imsiehba soċjali kollha, magħruf bħala COLA. Il-Gvern mhux se jonqos li jgħin ukoll lil dawk l-aktar vulnerabbli fosthom il-pensjonanti.
Dejjem emminna bħala gvern li m’għandniex naddottaw politika ta’ awsterita li bosta pajjiżi Ewropej qed jaddottaw fiċ-ċirkostanżi tal-lum, partikolarment pajjiżi mmexxija minn gvernijiet konservattivi u tal-lemin. Hekk kien jemmen ukoll Gvern Nazzjonalista qabel l-2013 meta l-politika tiegħu ta’ awsterita, b’kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin b’mod esaġerat fost affarijiet oħra, ġabet magħha staġnar ekonomiku tant li spiċċaw il-leġislatura b’aktar minn 8,000 ruħ bla xogħol.
Il-politika tal-Gvern Laburista ta’ investiment kontinwu fin-nies ġabet magħha il-ġid u tkabbir ekonomiku bla preċedent tant li llum stess, minkejja l-kriżi tal-pandemija u issa l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja, għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa. Għandna nkomplu f’din it-triq ħalli nkomplu noħolqu l-ġid u nużawh bil-għaqal favur in-nies anke f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Huwa essenżjali li nkomplu nisimgħu lin-nies ħalli nkunu nafu mill-qrib x’inhuma l-aspirazzjonijiet. L-akbar għajnuna li nistgħu nagħtu bħalissa huwa li nkomplu mmexxu fid-direzzjoni li nżommu l-istabbilita fil-prezzijiet tal-enerġija u ngħinu kemm nistgħu lil dawk l-aktar vulnerabbli biex il-kwalita’ tal-ħajja tagħhom tibqa’ waħda tajba u fejn inkunu nistgħu, intejbuha wkoll.
Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom aktar minn prova waħda kemm Gvern Laburista taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, huwa gvern li jieħu d-deċiżjonijiet u jeħodhom b’għaqal tant li wara noħorġu aktar b’saħħitna minn qabel. Dan huwa mument ieħor importanti fejn se tkun it-tmexxija għaqlija li tgħinna nsalpaw ‘il barra mill-għawġ ta’ dawn iż-żminijiet biex wara nkomplu mexjin ‘il quddiem u nsostnu l-kwalità tal-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin.