L-istħarriġ tal-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Ħajja (EUSILC) 2021 irrapporta li 59.5% tad-djar kollha abitati f’Malta u Għawdex kienu jew appartamenti jew maisonettes, filwaqt li 35.8% kienu djar semi-detached jew terraced houses. Din l-istatistika tindika li l-maġġoranza tar-residenti f’Malta jgħixu f’residenzi li huma aċċessibbli minn spazji komuni li r-responsabbiltà tal-manteniment tagħhom tinqasam b’mod ugwali bejn is-sidien tad-diversi unitajiet separati.

Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi hemm bżonn liġi li tirrifletti din ir-realtà fejn mhux l-ewwel darba li nħolqu konflitti u tilwim bejn ir-residenti fuq ħaġa jew oħra, u huwa propju għalhekk li f’pajjiżna għandna liġi tal-kondominji biex tindirizza dawn it-tip ta’ problemi. Għaldaqstant bħalissa fuq din il-liġi li ilha fis-seħħ mis-sena 2000, inbeda proċess ta’ reviżjoni biex l-amministrazzjoni tal-kondominji tiġi aġġornata.

Tajjeb li nsemmu li bħalissa, skont l-Att dwar il-Condominia, għandu jinħatar amministratur meta jkun hemm aktar minn tliet appartamenti fl-istess binja. Jekk tali ħatra ma jkunx hemm qbil dwarha, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta għall-arbitraġġ, u l-amministratur jinħatar mill-Arbitru. Skont l-istess Att, ta’ min isemmi wkoll li kwalunkwe sid ta’ appartament jew maisonette f’kondominju, qatt ma jista’ jirrinunzja  għall-pussess tiegħu tal-partijiet komuni u għaldaqstant, l-ispejjeż kollha relatati mal-manutenzjoni, preservazzjoni u tiswijiet għandhom jinqasmu bejn is-sidien kollha.

llum f’pajjiżna għandna numru ta’ nies li qed joffru servizz bħala amministraturi b’mod professjonali u l-mod kif dan il-qasam għandu jiġi regolat. Apparti minn hekk għandek numru ta’ żviluppi anke fil-modi kif kienet inkitbet il-liġi; pereżempju l-voti li jkollhom is-sidien meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet dwar il-partijiet komuni. Kwistjonijiet oħra li nħolqu anke permezz ta’ sentenzi konfliġġenti fil-mod kif kienu qed jitħarsu d-drittijiet ta’ propjetà mill-att tal-kodiċi ċivili għal mod kif ġew introdotti fil-liġi tal-condominia.

Il-Gvern qed janalizza l-proċess ta’ konsultazzjoni li kien sar biex flimkien mas-sezzjoni tal-Kondominji u l-Immaniġjar tal-Bini fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin l-MDA, il-liġi taqdi l-ħtiġijiet tal-lum. Huwa dritt ta’ kull bniedem li jgħix fil-paċi f’daru u f’ambjent xieraq u għalhekk tali emendi qed isiru biex fir-realtajiet tal-lum il-ġurnata, tirrenja l-armonija bejn familji differenti li jgħixu fl-istess binja. Inħares ‘il quddiem sabiex dan il-proċess ta’ reviżjoni jiġi konkluż u jiġu introdotti l-emendi neċessarji fi żmien qarib għal kwalità ta’ ħajja aħjar tal-familji tagħna.

Jekk tixtieq tikkumenta ibgħat messaġġ fuq [email protected]