Soċjetà b’saħħitħa ma titkejjilx biss mill-ġid materjali. Anke jekk il-ġid materjali huwa essenzjali għal soċjetà b’saħħitħa. Iżda hemm kejl ieħor li jiddistingwi poplu minn ieħor: is-Solidarjetà li l-poplu juri ma’ dawk fil-bżonn.
Lejn il-bidu tal-Papat tiegħu, Papa Franġisku tkellem dwar ‘’il-globalizzazzjoni tal-indifferenża’’. Dan għamlu f’kuntest ta’ nuqqas ta’ ħarsien globali f’soċjetajiet avvanżati ma dawk l-aktar fil-bżonn. Bħala poplu, bħal kull poplu, għandna n-nuqqasijiet tagħna – iżda żgur li ma aħniex indiffferenti ma dawk l-aktar fil-bżonn. Kull darba li l-poplu Malti jkun mitlub jgħin lil min fil-bżonn, iqum għall-okazzjoni u jagħti xħieda b’saħħitħa ta’ solidarjetà.
Il-kelma ‘ħniena’ għalina l-Maltin mhix sempliċement kelma li nużaw – hija parti mit-tessut soċjali tagħna, hija dik li tagħmilna Maltin u li tiddistingwina minn ħaddieħor, karatteristika li dejjem iddistingwiet lill-poplu tagħna – mhux biss issa, iżda minn dejjem.
Il-valuri tal-ġustizzja soċjali, u l-appoġġ lill-batut, huma mnaqqxa fil-qlub tal-Maltin.
Is-soċjetà Maltija hija moderna, avvanzata u kosmopolitana. Iżda hija wkoll soċjetà ħanina, li taf tħobb u tgħin. Il-valuri tal-ġustizzja soċjali, u l-appoġġ lill-batut, huma mnaqqxa fil-qlub tal-Maltin.
Jekk immorru lura fl-istorja ta’ pajjiżna naraw eżempji konkreti ta’ poplu ħanin u li jaf iħobb u jgħin. Jgħin mhux biss lil ħutna Maltin stess, iżda saħansitra popli oħra l-bogħod ferm minn xtutna. Mal-erbat irjieħ tad-dinja insibu proġetti ta’ fejda b’riżq popli oħra fil-bżonn. Dan apparti illi f’diversi okkażjonijiet gruppi ta’ Maltin marru barra minn xtutna jgħinu lil min hu fil-bżonn.
Mal-milja tas-snin, Malta tagħna għamlet progress ekonomiku kbir. Illum pajjiżna, minkejja li huwa żgħir fid-daqs, għandhu tkabbir ekonomiku li jiżboq dak ta’ pajjiżi ferm akbar minna fl-Ewropa. Raġuni ewlenija ta’ dan il-progress hija r-reżiljenża tal-Maltin, u s-sens qawwi imprenditorjali li għandna fostna. Bla dubju illi l-politika għaqlija li dejjem ħaddem il-Partit Laburista mill-Gvern inċentivat lill-Maltin biex jaħdmu u jirnexxu. Għax aħna partit b’ruħ soċjali, li qalbna tħabbat għal dawk l-aktar fil-bżonn. Għax il-politika tagħna mibnija fuq l-kredu soċjalista laburista li għandhu fiċ-ċentru tiegħu lill-bniedem.
Il-politika tagħna mibnija fuq l-kredu soċjalista laburista li għandhu fiċ-ċentru tiegħu lill-bniedem.
Ikkunsidraw biss fatt wieħed: kważi tlett snin ilu d-dinja iħakmet minn pandemija globali. Madwar id-dinja ntilfu miljuni ta’ impjiegi u fallew għexieren ta’ eluf ta’ negożji. F’Malta konna fost il-ftit eċċezzjonijiet li dan ma seħħx. Ma seħħx għax il-poplu tagħna wera reżiljenża qawwija, u għax Gvern Laburista wieżen in-negozji u lill-ħaddiema. L-istess qed jagħmel bħalissa meta fl-Ewropa għaddejja gwerra. Mhux talli ma għotorniex, iżda l-ekonomija tagħna kompliet tikber u toħloq ix-xogħol.
Iżda l-ħajja mhix biss ekonomija u flus. Is-saħħa hija l-aktar ħaga għażiża li għandhu l-bniedem u n-nuqqas tagħħa joħloq sfidi enormi lil min saħħtu ma ttihx aktar. Fil-ħidma tiegħi bħala Ministru irrid nixpruna ħidma akbar lejn it-tkattir ta’ kultura favur aktar saħħa u sigurta fuq il-postijiet tax-xogħol. Irrid li flimkien ma’ stakeholders inwasslu biex is-settur tal-kostruzzjoni ikun regolat aħjar kemm għall-benefiċċju ta’ min jaħdem fis-setturu kemm ta’ min jgħix viċin l-iżvilupp u ta’ min qed jonfoq ammonti sostanzjali biex jakkwista propjeta.
Il-mard iġib sfidi kbar, mhux l-inqas dawk finanzjarji. Hawnhekk ukoll il-poplu dejjem wera solidarjetà qawwija ma ħutna fil-bżonn minħabba mard. Anzi, f’dan is-sens, il-poplu tagħna huwa solidali immens.
L-għada tal-Milied, l-Istrina. Għal ġurnata sħiħa ttellet attività fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni f’pajjiżna, li matulha l-poplu kien mistieden jagħti l-appoġġ finanzjarju biex ngħinu lil Malta Community Chest Fund tgħin lil min ikollu bżonn l-kura minn mard qalil. Sena wara l-oħra, l-Maltin jikkontribwixxu bi ħġarhom, u kull sena tinġabar somma flus kbira. Din is-sena ma kinitx eċċezzjoni u l-poplu għal darboħra reġa’ kien ġeneruż ħafna. Ix-xogħol li jagħmlu tal-Community Chest Fund huwa tassew imprezzabbli.
L-għajnuna lil ħutna l-aktar fil-bżonn hija ħniena ġusta li bħala poplu nemmnu bis-sħiħ fiha u li, fil-ġimgħat u x-xħur li ġejjin, se nkomplu nindukraw.