Dalwaqt l-Istrina. Il-Maltin u l-Għawdxin jikkontribwixxu bi ħġarhom. Jinġabru flejjes kbar, għal kawża ġusta. Meta titħabbar somma sabiħa, kif dejjem ikun il-każ, kulħadd kelma waħda: Aħna poplu li joffri solidarjetà ma’ ħutna l-aktar fil-bżonn.

Hemm bżonn, madankollu, li minn żmien għal żmien, nirriflettu dwar jekk aħniex solidali s-sena kollha – u b’solidali ma nifhmux biss fil-ġbir ta’ flus għal kawżi ġusti. Solidali fir-rispett, u l-mogħdrija li noffru u nesprimu ma xulxin.

Dinja mgħaġġla

Il-pressjonijiet tal-ħajja ipoġġu fuq il-bniedem stress u ansjetà. Id-dinja nbidlet. L-aspettattivi tal-bniedem żdiedu – u dan huwa riżultat tal-progress qawwi li seħħ fil-livell tal-għajxien tagħna.

Dak li sa ftit snin ilu kien meqjus bħala lussu, jew kapriċċ, illum sar meħtieġ. Ftit ħin ta’ mistrieħ b’xi safra mal-familja, l-użu ta’ mezzi tat-teknoloġija li mingħajrhom qajla nistgħu naħdmu, jew nikkomunikaw ma’ xulxin. U elf ħtieġa oħra. Ħwejjeġ essenżjali, li iżda biex insostnuhom irridu naħdmu għalihom.

Sew jekk int impjegat, jew taħdem għal rasek, l-isfidi huma dejjem kbar. Il-ħin mal-familja, u l-għeżież tagħna, irridu niżguraw li nsibuh. Sibniha tassew stramba s-sitwazzjoni meta, minħabba l-pandemija, kellna nbiddlu r-rutina li kienet ħakmitna.

Ir-rispett, jew in-nuqqas tiegħu

Ngħiduha kif inhi, l-paċenzja tagħna ma’ xulxin hemm bosta drabi li naqset ukoll. Forsi riżultat tal-pressjonijiet tal-ħajja, iżda neħħi r-rispett u l-mogħdrija lejn xulxin u jkollna sitwazzjonijiet xejn feliċi. Kull wieħed, u waħda minnha, għandna l-limitazzjonijiet tagħna – inkluż fejn tidħol il-paċenżja u l-mogħdrija. Saret soċjetà ta’ nies li taqbżilna malajr. Ta’ sikwit, inkunu pronti niġġudikaw. ‘Qis mitt darba, u aqta’ darba’ jgħid il-Malti – iżda, ta’ spiss, iż-żarda naqtawha malajr wisq. U social media mimlija b’ġudizzji u kummenti xejn sbieħ fuq l-oħrajn.

Sfidi soċjali

Kultant tkun traġedja li ddaħħalna f’qoxortna. Iġġegħlna nistaqsu ħafna mistqosijiet dwar xi stajna għamilna aħjar biex ċerti sitwazzjonijiet ma jseħħux.

Ħares ftit lejn il-medja soċjali. Kemm inkunu pronti biex niġġudikaw, biex nattakkaw, personalment, lil min ma jaqbilx magħna. Kemm inkunu pronti biex nagħtu aġġettivi, li jweġġgħu, lil ħaddiehor.

Forsi, mingħajr ma nintebħu, nkunu qegħdin inkissru individwi u familji. Forsi, mingħajr ma rridu, nkunu qegħdin nagħtu lok għal kultura li tkattar il-mibgħeda.

Dan iwassal għal antagoniżmu, nuqqas ta’ rispett u fil-proċess it-tkasbir tad-dinjità tal-bniedem. Dan iseħħ fil-familja, fejn id-dar, minflok il-post tat-trankwilità u sigurtà, issir post ta’ tensjoni u biża’.

Dan iseħħ ukoll fis-soċjetà, fejn membri tagħha jingħataw il-ġenb u jintrifsu minn għajrhom stess. Imbagħad, isseħħ traġedja, u nintebħu li, bħala soċjetà, nkunu fallejna bil-kbir.

 L-Edukazzjoni

It-tisħiħ tat-tessut soċjali, li jdakkar is-solidarjetà u l-wens, ma jseħħx f’iżolament. L-edukazzjoni hi l-ingredjent ċentrali biex dan iseħħ. L-edukazzjoni mhux biss fil-klassi iżda kullimkien. Fuq il-post tax-xogħol, fil-familja u fl-għaqdiet li nipparteċipaw fihom. L-edukazzjoni trawwem l-ispirtu tat-tolleranza imma mhux biss. Għandha tħeġġiġna nifhmu li aħna lkoll differenti minn xulxin iżda, minflok naraw din id-differenżi bħala ostaklu, nqisuha bħala opportunità – biex nitgħallmu minn xulxin u biex infittxu l-għaqda fid-diversità.

Irridu nifhmu u nirrispettaw aktar lil xulxin. Id-diversità tagħna hi dik li tagħmilna soċjetà. Soċjetà iżda li tkun aktar ħanina u li lesta toffri spalla lil xulxin dejjem.

Il-Politika

Bhala politiku, nhossni f’paċi miegħi nnifsi li, permeżż tal-Partit Laburista, hdimna biex f’pajjiżna individwi jingħataw id-dinjita’ li tixirqilhom.

Għax hadd ma huwa ċittadin tat-tieni klassi. Konna ahna, li kontra oppożiżżjoni qalila, tajna ċ-ċans biex persuna li ż-żwieg tagħha ma jirnexxix, tibda kapitlu gdid; biex persuni tal-istess sess ikollhom id-dritt li jiffurmaw familja u biex aktar persuni jingħata lilhom r-rigal, tant sabiħ, tal-ulied, permeżż ta’ riformi kbar fil-ligi tal-IVF.

Konna u għadna fuq in-naha t-tajba tal-istorja fejn jidħlu riformi li jseddqu d-dinjità tal-bniedem. Iżda fadlilna aktar x’nagħmlu. Permezz tal-politika tal-mogħdrija se nkomplu nahdmu kemm nifilhu biex inkattru l-wens u l-gustiżżja soċjali f’pajjiżna. Bħala politiċi se nkomplu nfittxu dak li jgħaqqadna u nibnu fuqu.

Irridu nkomplu nkunu kuraġġużi biex nagħmlu aktar bidliet biex nibnu fuq it-tajjeb tas-soċjetà tagħna u niżguraw li ħadd ma jħossu imwarrab.

Soċjetà li tħobb u tagħder

Il-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minnha trid tkun li jkollna soċjetà li taf tħobb u tagħder aktar. Soċjetà fejn l-individwu mhux numru iżda persuna bid-dinjità tiegħu u tagħha. Mhix faċli, iżda b’ħafna rieda tajba minn kulħadd, naslu. Il-festi li se jibdew f’dal jiem għandhom ifakkruna li r-rispett u s-solidarjetà m’humiex xi ħaġa staġjonali imma tas-sena kollha.