Bħala gvern irridu naċċertaw li min joffri is-servizzi f’dan il-qasam jkollu l-kompetenzi u l-permessi meħtieġa biex iwettaq ix-xogħol.
Is-settur tal-ippjanar u l-kostruzzjoni f’pajjiżna evolva matul is-snin. Huwa fatt magħruf li s-settur tal-kostruzzjoni huwa settur li jħalli diversi impatti fuq pajjiżna. Għaldaqstant, irridu nindukrawh filwaqt li narawh jaħdem f’qafas regolatorju aktar b’saħħtu li jirrispetta lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ikunu qed jintlaqtu mill-iżvilupp li jkun għaddej. Minkejja l-progress li sar, attwalment qed jinħass il-bżonn li dan is-settur ewlieni f’pajjiżna filwaqt li jsir wieħed aktar sostenibbli, jiġedded biex ikun jista’ joffri kwalità ogħla. Biex dan it-tiġdid ikun jista’ jseħħ hemm bżonn mhux biss direzzjoni mill-gvern iżda wkoll parteċipazzjoni sħiħa minn dawk kollha involuti. Hemm bżonn titjib fil-mod kif jitfassal u jitwettaq l-iżvilupp. B’dan il-mod inkunu nistgħu nagħtu aktar serħan il-moħħ lil min ikun se jixtri propjetà u innaqqsu kull inkonvenjent u l-ħsara lil dawk il-familji li jgħixu biswit sit ta’ kostruzzjoni.
Qed ikompli jsir ix-xogħol meħtieġ biex tkun aġġornata s-sistema dwar skill cards għal dawk li jaħdmu fis-settur filwaqt li qed jitħejja l-qafas legali għal sistema ta’ reġistrazzjoni u liċenzjar tal-kuntratturi biex inkunu nistgħu intejbu l-kwalità tax-xogħol fil-kostruzzjoni. Bħala gvern irridu naċċertaw li min joffri is-servizzi f’dan il-qasam jkollu l-kompetenzi u l-permessi meħtieġa biex iwettaq ix-xogħol.
L-iskill card filwaqt li se toffri serħan il-moħħ lil konsumatur li qed jingħata servizz minn persuna kwalifikata, fl-istess waqt se twassal għall-titjib fl-istandards tal-industrija u l-prattiċi tas-saħħa u sigurtà. Mill-banda l-oħra, permezz tal-liċenzjar u l-klassifikazzjoni tal-kuntratturi se jkun żgurat li l-kuntratturi jkunu mħarrġa b’mod adegwat u li jkollhom il-ħiliet suffiċjenti biex joffru servizz aħjar u jiġu prevenuti l-inċidenti fuq il-lant tax-xogħol.
Biex inkomplu nsaħħu dan it-tiġdid, bħalissa għaddejin ukoll b’taħdidiet ma’ numru ta’ korpi kostitwiti fis-settur tal-ippjanar u l-kostruzzjoni fosthom mal-Kamra tal-Periti biex jiġu introdotti National Building Codes. Dawn il-building codes għall-ewwel se jkunu marbuta primarjament mal-istandards tat-twaqqigħ, tal-iskavar u tal-bini u aktar tard isiru building codes oħra dwar oqsma differenti tal-industrija tal-kostruzzjoni. Il-building codes se jipprovdu pjattaform regolatorja u teknika għall-industrija biex tkun assigurata kwalità ogħla kif isir il-bini. Dan huwa pass importanti għax apparti l-proċess tal-ippjanar biex jinħareġ il-permess ta’ kif għandha tinbena binja, issa ser nidħlu wkoll fid-dettal tekniku ta’ xi kwalità ta’ xogħol irid isir fil-bini tal-proġett.
Jeħtieġ tissaħħaħ il-kultura ta’ għarfien favur aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol ħalli nipprevjenu l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol. L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għandha rwol ċentrali f’dan kollu mhux biss f’dak li huwa tixrid ta’ informazzjoni biex tiddeduka lil min iħaddem u lill-ħaddiema dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, iżda wkoll mill-att ta’ infurzar li huwa aspett kruċjali. Matul is-sena 2022, saru ‘l fuq minn 7,000 spezzjoni f’siti ta’ kostruzzjoni u nħarġu aktar minn 300 stop notice fejn kien hemm nuqqasijiet f’siti ta’ kostruzzjoni. Din is-sena kommessi li nkomplu fejn ħallejna is-sena li għaddiet biex nevitaw l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol.
Is-sena 2023 trid tkun is-sena li matulha nwettqu bidliet importanti. Kull min huwa involut fis-settur tal-ippjanar u l-kostruzzjoni jeħtieġ jifhem aħjar x’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħu u dawn jerfagħhom. Il-partijiet kollha jeħtieġ ikunu on board, mhux biss l-iżvillupaturi iżda wkoll il-periti, il-benneja kif ukoll il-project supervisors. Barra minn hekk, kull min huwa involut fil-kostruzzjoni irid jirrealizza wkoll li xogħolu ma jispiċċax ġaladarba jitlesta l-proġett iżda dak li jkun irid jibqa’ kontabbli tax-xogħol li jkun wettaq.