Il-Gvern Laburista,  minkejja l-ħafna sfidi, wettaq riformi kbar biex jisaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Biddel il-mod kif jinħatru l-membri tal-Ġudikatura minkejja li sa ftit tas-snin biss ilu kienu jinħatru biss skont ir-rieda tal-Prim Ministru u ma kienx hemm mekkaniżmu indipendenti li jwassal għal dawn il-ħatriet. Kienu minn kienu dawk li okkupaw karigi fil-Ġudikatura u f’istituzzjonijiet oħra, dejjem ingħataw rispett kemm fi żmien li okkupaw il-kariga u anke wara.

Ma nistgħux ngħidu l-istess għal numru ta’ esponenti tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista bil-mod kif tkellmu fid-dibattitu riċenti dwar bidla fil-liġi tal-Kummissarju tal-Istandards. Mhux biss rajna nuqqas ta’ rispett, imma saħanstira saru kummenti dispreġġjattivi, totalment inaċċattabbli fil-konfront ta’ persuna li b’tant żelu u impenn wettaq ix-xogħol kemm ta’ mħallef kif wkoll ta’ President tal-Qorti.

Fl-ewwel ġimgħatejn ta’ seduti parlamentari ta’ din is-sena, li matulhom iddiskutejna l-emenda għall-Att dwar il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika segwejna l-attakk feroċi tal-Oppożizzjoni fuq l-għażla tal-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela biex jinħatar il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi f’din il-kariga. Il-kritika tal-Oppożizzjoni dwar din il-ħatra saħansitra wasslet għal kummenti dispreġġjativi  personali kontrih.

Dan kien nuqqas kbir ta’ rispett lejn bniedem ta’ integrità liema bħalha, rispettat minn kulħadd li l-unika ħtija tiegħu f’għajnejn tal-Oppożizzjoni hija li darba, għexieren ta’ snin ilu kien kandidat mal-Partit Laburista. Iridu jnessuna li kienu huma stess li tawh ċertifikat tal-integrità meta ħatruh bħala Imħallef. U jridu jnessuna wkoll li fl-ewwel konsultazzjonijiet li kien hemm bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Istandards, kien hemm il-qbil min-naħa tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Prim Imħallaf Emeritus f’din il-kariga.

In-nies qed jistaqsu kif il-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-għażla tal-Prim Imhallef Emeritus Joseph Azzopardi inbidlet minn waħda favur għal waħda kontra. Mistoqsija li twassal għal numru ta’ mistoqijiet oħra. In-nies qed tistaqsi min verament huwa l-kap tal-Partit Nazzjonalista jekk mal-Prim Ministru Robert Abela qal iva imbagħad meta mar lura d-Dar Ċentrali beda jgħid le. Bħalma qallhom l-ex Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Professur Kevin Aquilina biex ikunu kredibbli iridu għall-inqas iġibu raġuni waħda għaliex Dr Azzopardi mhuwiex idonju biex jokkupa din il-kariga.

Bin-nuqqas ta’ rispett lejn min imexxi jew saħansitra min kien imexxi l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, nkunu qegħdin nibgħatu messaġġi ħżiena lill-poplu tagħna.

Ir-reżistenza tal-Oppożizzjoni għall-ħatra tal-Prim Imħallef Emeritus f’din il-kariga wasslithom biex jagħmlu kutrumbajsa oħra milli imdorrijin jagħmlu u jopponu l-emenda li tintroduċi l-anti-deadlock mechanism biex meta ma jkunx hemm qbil dwar din il-ħatra, issir b’maġġoranza sempliċi minflok b’żewġ terzi tad-deputati fil-Parlament. Saħansitra irmew proposta li kienu għamlu huma stess fil-Manifest Elettorali tagħhom tal-2017 biex jiddaħħal dan il-mekkaniżmu.

Mhix ix-xewqa tal-Gvern li jitħaddem dan il-mekkaniżmu imma ladarba b’kapriċċ, l-Oppożizzjoni trid tibqa’ toġġezzjona ħatra leġittima bħal din tal-Prim Imħallef Emeritus, allura aħna fid-dover li naraw li l-ħatra issir biex l-istituzzjoni tkun tista’ tiffunzjona.

Wara kollox m’aħniex nivvintaw ir-rota. Dan il-mekkaniżmu jeżisti kważi f’kull demokrazija u hemm bosta pajjiżi fost l-aktar demokraziji żviluppati fid-dinja fejn l-anqas biss jeżisti għaliex ħatriet importanti fl-istituzzjonijiet isiru minn maġġoranzi sempliċi fil-Parlamenti tagħhom.

Lil hinn mill-kwistjoni dwar dan il-mekkaniżmu importanti li qed indaħħlu f’din il-liġi, tibqa’ l-kwistjoni ewlenija kemm verament nirrispettaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Sħaqt fil-Parlament li bin-nuqqas ta’ rispett lejn min imexxi jew saħansitra min kien imexxi l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna nkunu qegħdin nibgħatu messaġġi ħżiena lill-poplu tagħna.

Jekk in-nies jibdew jaraw fost dawk li suppost jirrappreżentawhom, persuni li jitkellmu b’disrispett lejn min okkupa karigi għolja fl-istituzzjonijiet, allura x’messaġġ ta’  fiduċja qed nibgħatu lin-nies? Għalhekk nibqa’ ntenni li jekk veru rridu nirrispettaw l-istituzzjonijiet u nkomplu naħdmu biex insaħħuhom, l-ewwel irridu nirrispettaw lil dawk kollha li, kultant anke b’sagrifiċċji persjonali, resqu ‘l quddiem u daħlu biex jokkupaw karigi importanti fl-istituzzjonijiet tal-istat. Ir-rispett jista’ jintwera anke jekk ikun hemm kritika jew diskussjoni dwar il-hidma ta’ dik l-istituzzjoni u min ikun mexxiha. Dak huwa parti mid-dibattitu politiku f’demokrazija. Id-dikjarazzjonijiet li smajna minn esponenti tal-Oppożizzjoni żgur li marru lil hinn minn dan. Dan ir-rispett għandu jibqa’ jintwera anke wara li dawn il-persuni jkunu temmew il-ħatra tagħhom u bħalma jiġri spiss, jingħataw opportunità jkomplu jservu lill-Istat Malti f’xi kariga jew oħra.