Illum hawn qbil ġenerali li l-Kunsilli Lokali ġabu bidla pożittiva fil-lokalitajiet Maltin u l-Għawdxin. Ħafna jaqblu wkoll li forsi wasal iż-żmien li nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn biex il-kunċett ta’ gvern lokali ikompli jissaħħaħ u jekk ikun il-bżonn, jinbidel għall-aħjar. Imma mingħajr l-ebda dubju, li sakemm għandna s-sistema li għandna bħalissa, huwa importanti ħafna li l-Kunsilli Lokali nkomplu nsostnuhom bl-aħjar mod biex ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom li jipprovdu l-aqwa servizzi lill-kommunitajiet tagħna.

Kull propjetà jew art li l-Awtorità tal-Artijiet tgħaddi lill-Kunsilli Lokali, ma tħallasx aktar minn €500 f’kirjiet għal din id-devoluzzjoni.

Bosta drabi, miżuri meħudha mill-Gvern Ċentrali jistgħu ikunu ta’ sostenn mill-aqwa lill-Kunsilli Lokali. Mhux biżżejjed l-allokazzjonijiet finanzjarji li jiġu mgħoddija lilhom ta’ kull sena. Il-Kunsilli għandhom bżonn ukoll tip ta’ għajnuniet oħra li jkunu ta’ sostenn għalihom. Bħalma sostnejnihom fis-snin li għaddew bi proġetti li kienu ffinanzjati mill-Fond tal-Iżvilupp tal-Ippjanar tal-Awtorita tad-Ippjanar. Sostnejnihom ukoll b’għajnuna ta’ xogħlijiet pubbliċi.

Hekk kif ftit ġimgħat ilu ġejt fdat mill-Prim Ministru Robert Abela bl-inkarigiu tal-Awtorità tal-Artijiet mill-ewwel rajt kif b’din l-Awtorita li tamministra tant propjetajiet tal-Gvern, tkun tista’ tgħin ukoll lill-Kunsill Lokali. Kien għalhekk li ħabbarna inizjattiva biex kull propjetà jew art li l-Awtorità tal-Artijiet tgħaddi lill-Kunsilli Lokali, ma tħallasx aktar minn €500 f’kirjiet għal din id-devoluzzjoni.

B’din il-miżura, il-Kunsilli Lokali kollha li għandhom fil-pussess tagħhom xi art jew propjetà tal-Gvern, minn issa ‘l quddiem se jibdew iħallsu biss €500 fis-sena għal kull propjetà pubblika li jkunu qed jamministraw. Hemm Kunsilli Lokali li se jibbenefikaw minn roħs ta’ eluf ta’ Ewro f’kirjiet kull sena.

B’din il-miżura, il-Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu jużaw dawn il-fondi iffrankati f’aktar servizzi lill-kommunitajiet tagħhom.

F’mument meta qed noqorbu lejn it-tiġdid tal-Kunsilli Lokali bl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej, il-Kunsilli Lokali għandu jkollhom l-appoġġ kollu meħtieġ biex tassew nuru x’ġid qed iwettqu fl-ibliet u l-irħula tagħna. Appoġġ li għandu jingħata għall-ħidma li ssir b’dedikazzjoni u impenn favur il-lokalitajiet.