“Dħalt għal dan l-inkarigu b’impenn kbir biex il-kelma li tajna lill-elettorat inżommuha.”

F’Marzu tal-2022, il-Partit Laburista reġa’ ingħata mandat ieħor b’saħħtu mill-poplu sabiex ikompli jmexxi lill-pajjiżna. Il-fiduċja li ntweriet fina qiegħda tissarraf f’riżultati pożittivii mill-Gvern. Se nkomplu nżommu kelmtna mal-elettorat billi nwettqu dak li wegħedna.

Fid-dawl ta’ x’qed jiġri madwarna, dan jitfa’ fuqna responsabbiltà akbar, iżda jqanqal fina aktar impenn, enerġija u determinazzjoni biex nuru bil-fatti lill-elettorat li l-Partit Laburista fil-Gvern jibqa’ joffri viżjoni b’saħħitha għall-futur.

Fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jara li tissaħħaħ il-ħidma tiegħu biex dak li wegħedna fil-programm elettorali ‘Malta Flimkien’ jitwettaq.

Il-Prim Ministru għoġbu jagħtini responsabbiltà ġdida biex insaħħu l-kordinazzjoni fix-xogħol mal-Ministeri l-oħra kollha biex niżguraw l-implimentazzjoni tal-1,000 proposta fil-Manifest. Dħalt għal dan l-inkarigu b’impenn kbir biex il-kelma li tajna lill-elettorat inżommuha.

Fl-aħħar tliet elezzjonijiet in-nies baqgħu jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-Partit Laburista għax jridu jimxu lejn bidla pożittiva u lejn aktar tiġdid fil-pajjiż. Il-Partit Laburista f’dawn l-aħħar snin kemm ilu fit-tmun tal-pajjiż wera biċ-ċar li huwa partit miftuħ għal kulħadd, partit li lest li jisma’ u jieħu l-aħjar deċiżjonijiet fl-aktar mumenti diffiċli. Fuq kollox il-Partit Laburista għandu track record li dak li jwiegħed iwettqu.

Minkejja l-pandemija globali u minkejja r-rata ta’ inflazzjoni għolja pajjiżna xorta waħda baqa’ jirreġistra tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Waqt li pajjiżi oħra Ewropej ferm akbar minna kienu qed jogħtru quddiem il-kriżijiet internazzjonali, f’Malta komplejna naraw tnaqqis fil-qgħad u r-rata ta’ nisa b’impjieg qabżet għall-ewwel darba l-medja tal-Unjoni Ewropea. Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni imma għax il-Gvern ħadem b’għaqal. Kieku l-ekonomija ma kinitx b’saħħitha, il-Gvern ma kienx se jkun jista’ jidħol bħala tarka biex jilqa’ għall-piżijiet.

Waħda mill-aqwa kwalitajiet tal-Partit Laburista li qed tidher fil-ħidma tagħna hi li fl-għażliet li nwettqu nippremjaw il-bżulija u niżguraw li l-ġid li jinħoloq ikun ta’ sostenn għal kulħadd. B’dan il-mod qed jgħin lil faxex kollha b’mod partikolari l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Dan huwa turija tal-prinċipji tagħna li dejjem ħaddanna u se nkomplu nħaddnu bħala partit.

Bil-kontra, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jipprova jintgħoġob ma’ kulħadd u partit li baqa’  ankrat fil-passat. Jibża’ mit-tiġdid u mill-bidla, u mhux kapaċi jieħu deċiżjonijiet diffiċli biex mingħalih jibqa’ jfuħ ma’ kulħadd. Partit li għadu jitmexxa minn fazzjoni żgħira ta’ nies li jaħsbu li għandhom xi dritt divin imexxu l-pajjiż.

Meta jkun hemm problemi ekonomiċi l-Partit Nazzjonalista mhux kapaċi jservi ta’ tarka għall-poplu bħall-Partit Laburista, imma kif rajna fil-passat il-piżijiet jitfagħhom fuq in-nies.

Inwettqu l-proposti tal-manifest elettorali

Minkejja li għadhom  għaddew ftit anqas minn sentejn mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, il-Gvern diġa’ wettaq għadd kbir ta’ proposti mill-Manifest Elettorali.

Żewġ wegħdiet primarji li wettaqna kienu l-introduzzjoni ta’ pensjoni tas-servizz lir-romol ta’ uffiċjali fil-forzi dixxiplinati u t-tisħiħ fil-pensjoni ta’ servizz bi 23% u allowance sostanzjali lil dawk li jagħżlu li jagħtu servizz lil hinn minn 29 sena f’dawn il-forzi.

Bil-proċess li l-Gvern beda fl-2022 biex nindirizzaw l-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja dawk li bdew jieħdu l-pensjoni fl-2009 jew wara se jieħdu żieda addizzjonali fil-bonus tal-għoli tal-ħajja tagħhom. Minn din il-miżura qed jibbenifikaw mat-53,000 pensjonant.

Fil-programm elettorali, bħala parti mill-Garanzija għat-Tfal il-Gvern wiegħed li tul din il-leġiżlatura se nżidu l-Allowance tat-Tfal b’€450 kull wild, b’żieda ta’ €90 fis-sena għal ħames snin. Fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura bdejna nwettqu din il-proposta. Ma waqafniex hemmhekk, is-sena li għaddiet biex ngħaġġlu it-twettiq ta’ din il-miżura żiedna l-ammont minn €90 għal €250 kull wild.

Permezz ta’ din il-miżura ser nolqtu aktar minn 41,000 familja bi 62,000 tifel u tifla. Dawn ser igawdu minn sotenn ta’ ‘l fuq minn €15-il miljun. Fl-2022, aktar minn 100 miżura soċjali, li jiffurmaw parti mill-Pjan Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal, ġew implimentati f’erba’ oqsma ewlenin. Minn dawn il-miżuri, 29 miżura huma relatati mal-protezzjoni soċjali, 34 miżura fir-rigward tal-edukazzjoni, 38 miżura relatati mal-kura tas-saħħa u 7 miżuri relatati ma’ akkomodazzjoni adegwata.

Kif ġie mwiegħed fil-Manifest Elettorali, dan il-Gvern indirizza l-problemi marbuta mal-liġijiet tal-qbiela sabiex inserrħu moħħ il-bdiewa ħalli jibqgħu jaħdmu l-art, filwaqt li jingħata kumpens xieraq lis-sidien.

Proposta oħra fil-Manifest Elettorali li l-Gvern daħħal fis-seħħ hi  l-liċenzjar tal-kuntratturi. Għall-ewwel darba seħħ Avviż Legali li jobbliga lil kull kuntrattur li jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini biex japplika għal-Liċenzja mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.

Dawn il-liġijiet għandhom l-għan li filwaqt li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni, jinstigaw aktar responsabbiltà u akkontabiltà. Fl-istess waqt, jiżguraw li jkun hemm titjib fil-livell tal-ħiliet tal-ħaddiema kollha involuti.

Twettqu bosta inizjattivi oħra li lkoll għandhom l-għan li niżguraw li pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem u naċċertaw aktar opportunitajiet għal kulħadd.

Fiż-żmien li ġej se nkomplu naħdmu flimkien biex inwettqu dak li wegħedna fil-Manifest Elettorali. Gvernijiet Laburisti dejjem kienu magħrufa bħala gvernijiet li żammew kelmithom mal-elettorat. Ser naħdem biex niżgura li hekk jiġri din id-darba wkoll għaliex ninsab ċert li bit-twettieq tal-proposti tal-Manifest, il-familji kollha Maltin u Għawdxin igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.