Id-dover tagħna fil-politika huwa li nfasslu l-passi li jeħduna lejn il-futur. Li nagħmlu għażliet li jħejjuna għal dak li ġej, filwaqt li nwettqu dak meħtieġ biex inwieġbu għar-realtajiet tal-preżent. Dawn l-għażliet għandhom ikunu mnebbħa mill-viżjoni politika tagħna. Mill-ideali li nħaddnu, mill-ħsieb politiku li jiddistingwina.

Fl-għażliet tagħna, f’dak li fassalna qabel l-aħħar elezzjoni, il-miżuri li qegħdin inwettqu, ilkoll juru biċ-ċar li aħna rridu nwettqu politika li tagħtina ekonomija progressiva.

Ekonomija li toħloq il-ġid u qafas soċjali u ekonomiku li jiżgura li l-ġid jasal għand kulħadd. Huwa ħsieb imnebbaħ minn dak mistqarr fl-istatut tal-Partit Laburista li b’ħidmitna għandha “sseħħ il-ġustizzja soċjali u li s-saħħa tal-istess soċjetà, titkejjel mill-progress ta’ dawk l-iktar dgħajfa fost il-membri tagħha.”

Fl-għażliet tagħna urejna f’kull okkażjoni li bħala Gvern ma nemmnux f’politka ta’ awsterità. L-awsterità meta mħaddma minn gvern Nazzjonalista lkoll nafu x’riżultati tatna. Ilkoll nafu x’konsegwenzi ħolqot fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. L-awsterità wasslet biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tistaġna. Ħolqot livelli għolja ta’ qagħad. Naffret l-investiment minn pajjiżna u tefgħet piżijiet iebsa fuq il-poplu.

Dak li qed inwettqu huwa għal kollox differenti. Il-miżuri li wettaqna u li se nkomplu nwettqu fiż-żmien li ġej huma mfassla biex inkomplu ntejjbu l-livell ta’ għajxien tal-familji kollha, niżguraw li f’pajjiżna jibqa’ jinħoloq ix-xogħol, intejjbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol filwaqt li nħejju lil pajjiżna għall-ġejjieni.

Filwaqt li qegħdin inwettqu dan kollu, huwa xieraq li bħala Partit Laburista niċċelebraw u nfakkru dak li fl-imgħoddi welled lill-Partit Laburista. Infakkru l-kuraġġ li wrew missierijietna fil-Partit biex bdew il-ħidma politika tagħhom. Id-determinazzjoni tagħhom biex iwelldu partit li jkun moviment favur il-bidla f’pajjiżna. Partit li jservi ta’ xprun għal bidla soċjali, li jinstiga qawwa biex il-poplu jikseb aktar drittijiet, jikseb il-ħelsien u jikseb il-ġieħ li jixraqlu. Partit li mill-bidu tiegħu wera li jagħmel l-affarijiet differenti meta kellu fost il-fundaturi tiegħu mara u omm fi żmien ta’ inugwaljanza kbira.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tal-Partit Laburista bit-tema Kapitlu Ġdid mhux biss tirrakkonta kif issawwar il-Partit Laburista. Mhux biss turi b’dokument storiku kif il-fundaturi tal-Partit bdew il-ħidma politika tal-Partit, mhux biss tispjega min kienu dawk li ingħaqdu biex għall-ewwel darba twieled Partit li mill-bidu tiegħu kien imsemmi Partit Laburista, imma turi biċ-ċar il-ħsieb progressiv tal-Partit sa mit-twaqqif tiegħu.

Dak li seħħ ftit aktar minn mitt sena ilu, wera biċ-ċar x’inhu d-destin tal-Partit Laburista. Juri biċ-ċar l-għanijiet li għalih twaqqaf il-Partit. Imma hija ċelebrazzjoni tal-kisbiet kollha li għamel pajjiżna bil-ħidma politika Ii twettqet matul is-snin. Hija okkażjoni li nġeddu il-wegħda tagħna li nkunu l-forza progressiva li ġġib bidla, bidla għall-aħjar, bidla li tfisser ġustizzja soċjali, opportunitajiet għal kulħadd, xogħol u ħolqien ta’ ġid li jkompli jmexxi s-soċjetà tagħna li fiha kulħadd jista’ javvanza.