Meta l-elettorat jafda t-tmexxija tal-pajjiż f’idejn partit politiku ikun qed jistenna li jkollu Gvern li jieħu d-deċizjonijiet fl-aħjar interess tal-pajjiż. Kull politiku li jkun fdat bit-tmexxija ta’ settur partikolari fl-amministrazzjoni pubblika jkollu quddiemu deċiżjonijiet li jrid jieħu ta’ kuljum. Wara kull bidla li trid isseħħ ikun hemm il-ħsieb, ir-riċerka, il-konsultazzjoni u t-tfittxija għal dak li huwa ta’ ġid għall-poplu. Imma d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu u n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet iwassal għal staġnar u xi kultant anke tbatija għal min ikun qed jintlaqat minn sitwazzjonijiet partikolari.

Il-Gvern Laburista fl-aħħar għaxar snin jibqa’ magħruf għall-bidla pożittiva kbira li ġab fil-pajjiż sforz il-bidliet importanti li ttieħdu biex bidlu d-direzzjoni tal-pajjiż minn wieħed staġnat b’ekonomija ffriżata, tkabbir ekonomiku minimu, dejn u deficit ‘il fuq mil-limiti imposti mill-Unjoni Ewropea u qagħad li fi tmiem l-2012 kien qabeż it-8,000 persuna. Il-bidla fil-Gvern fl-2013 ġabet magħha dinamiżmu ġdid, deċiżjonijiet kuraġġużi bħal dik tat-traħħis tal-kontijiet, li tat spinta kbira lill-ekonomija. Dan wassal biex ir-rota ekonomika reġgħet bdiet iddur u bis-saħħa t’hekk, Gvern Laburista kien f’pożizzjoni li jibda jtejjeb il-livell tal-għixien tan-nies b’żjidiet fil-benefiċċji soċjali, l-in-work benefits, ic-childcare b’xejn, żjidiet kbar fil-pensjonijiet u eventwalment anke t-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.

Sa mill-ewwel amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela f’Jannar tal-2020, il-Gvern kellu quddiemu deċiżjonijiet diffiċli u importanti x’jieħu l-ewwel minħabba l-imxija tal-Covid-19 u aktar tard sena ilu, meta bdiet l-invażjoni Russa ta’ l-Ukranja. Kienu deċiżjonijiet iebsin li salvaw l-impjieg u l-għixien ta’ eluf ta’ persuni b’miżuri bħas-sussidji ta’ miljuni kbar ta’ Ewro biex negozji setgħu jibqgħu jeżistu u ma jfallux. Anke meta faqqgħet il-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija rġajna ħadna d-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn biex żammejna l-prezzijiet tal-fuels u tad-dawl u l-ilma fl-istess livell li kienu qabel il-gwerra.

Il-bidla mportanti tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi

Id-dekasteru li fdali f’idejja l-Prim Ministru Robert Abela wara r-rebħa storika tas-sena l-oħra kien jitlob minni li jittieħdu deċiżjonijiet importanti fil-qasam tal-kostruzzjoni, deċiżjonijiet li qatt ma ttieħdu qabel. Deċiżjonijiet biex insaħħu l-liġijiet li jirregolaw dan is-settur. Ilna snin twal inħossu l-ħtieġa li ssir xi forma ta’ regolamentazzjoni li tirregola dan il-qasam importanti, pilastru ewlieni ieħor għall-ekonomija tal-pajjiż. Bħalma wegħdna fil-Manifest Elettorali, ridna nirregolaw dan il-qasam bl-introduzzjoni tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi. Sal-lum kienet teżisti biss regola dwar il-Liċenzja tal-Bennej, regolamenti li kienu ilhom li nkitbu mill-bidu tas-seklu l-ieħor.

Ħadna d-deċiżjoni importanti li nibdew nimxu fid-direzzjoni li kull min hu involut fil-Kostruzzjoni irid ikun liċenzjat biex ikun jista’ jaħdem. Ikkonsultajna ma’ bosta partijiet involuti f’dan il-qasam u ddeċidejna li għandna nibdew din il-bidla billi nirregolaw tliet setturi importanti fil-kostruzzjoni, dawk tat-twaqqiegħ, l-iskavar u l-bini. Qegħdin niffissaw terminu ta’ żmien li fih il-kuntratturi li qed jaħdmu f’dawn l-oqsma iridu japplikaw biex ikunu jistgħu ikomplu joperaw. Imbagħad iddeċidejna li wara perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ madwar sena u nofs, mill-1 ta’ Jannar 2025 ħadd ma jkun jista’ jaħdem fis-settur jekk ma jkollux liċenzja.

Ir-rispons għal dan il-proċess huwa pożittiv għal dak li qed nipproponu. Qed nirrealiżżaw kemm in-nies tassew trid li tiddaħħal is-serjeta u titjib fil-kwalita f’dan is-settur. Huwa ta’ sodisfazzjoni li naraw kemm huwa qawwi l-interess f’dak li qed nipproponu. Qed nagħmlu kull mezz biex nisimgħu lil kulħadd. Kellna l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika fil-Mosta fl-aħħar jiem u l-konkorrenza kienet tassew sabiħa. Se nkomplu nisimgħu lil kulħadd, inkluż lir-rappreżentanti ta’ kuntratturi, ta’ żviluppaturi, tal-intrapriżi żgħar u medji, tal-Periti, tal-Kamra tal-Kummerċ u oħrajn għax irridu li r-regolamenti li jridu jidħlu fis-seħħ ikunu regolamenti li tassew iġibu l-bidla li tant neħtieġu f’dan il-qasam. Għal darb’oħra qed nuru li aħna Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet biex itejjeb il-ħajja tan-nies f’kull qasam.