Il-kredu tagħna huwa wieħed soċjalista li jistrieħ fuq il-pedament sod tal-ġustizzja soċjali. Għalina, l-ħaddiem, bhal Malta, dejjem jiġi l-ewwel u qabel kollox.
Jumejn ilu, fakkarna l-65 anniversarju minn meta, fil-28 ta’ April 1958, il-ħaddiema Maltin ipprotestaw kontra l-ħakma tal-gvern kolonjali Ingliż fil-ġlieda tagħhom għall-ħobż u l-ħelsien. Għada niċċelebraw Jum il-Ħaddiem.
Fil-qofol ta’ dawn l-avvenimenti kbar fl-istorja politika ta’ Malta, u fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, hemm il-Partit Laburista. 65 sena ilu, l-Maltin, immexxija mill-Perit Duminku Mintoff, niżlu fit-toroq u semmgħu leħinhom kontra l-prattiċi ħżiena, u degradanti tal-gvern kolonjali Ingliż fil-konfront tal-ħaddiem Malti li wasslu għat-tkasbir tad-drittijiet tal-ħaddiema.
Fil-65 sena li għaddew, il-ħaddiem Malti wettaq kisbiet kbar. Xpruna ħafna minn dawn il-kisbiet il-Partit Laburista. Il-paga minima, l-pensjonijiet, il-benefiċċji soċjali, d-dritt li tissieħeb f’union, il-housing soċjali, l-benefiċċji tal-mard u ħafna kisbiet ohra. Dawn kollha kisbiet li taw dinjità lill-ħaddiema Maltin, huma kollha kisbiet imwettqa mill-Partit Laburista.
Kienet triq twila u diffiċli. Ma’ kull pass li l-ħaddiem ipprova jagħmel, sab il-forzi konservattivi f’pajjiżna jippruvaw iżommuh lura. Mal-milja taż-żmien, il-ħaddiem, l-attivist Laburista u l-mexxejja tiegħu, ġie impost fuqhom l-interdett, żmien ikraħ ħafna fl-istorja politika ta’ pajjiżna, li iżda lanqas dan ma qata’ qalb il-ħaddiem – niftakru fil-51,000 suldat tal-azzar li, b’kuraġġ kbir, baqa’ jġorr it-torċa tal-libertà u l-ħelsien.
Iż-żminijiet inbidlu, iżda l-forzi politiċi konservattivi baqgħu jagħmlu ħilitihom biex jitfgħu il-piż fuq il-addiema. Anke fi żmien riċenti, l-ħaddiem ftit li xejn sab appoġġ minn politiċi li, meta kienu fil-poter, serqulu l-btajjel pubbliċi; ntaxxawlu l-paga minima, għollewlu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u ffriżaw il-pensjonijiet. Kellu jkun Gvern Laburista li jindirizza dan kollu, u radd lura lill-ħaddiem dak li hu tiegħu.
Illum għandna l-anqas rata ta’ qagħad li qatt kellhu pajjiżna; tkabbir ekonomiku fost l-akbar fl-UE; l-paga minima ma għadhiex tiġi ntaxxata; l-pensjonijiet żdiedu u se jkomplu jiżdiedu; l-gvern refa’ hu l-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija – bil-kontra ta’ dak li seħħ fl-Ewropa; il-btajjel pubbliċi ngħataw lura; d-dritt ta’ sħubija f’union huwa garantit u ngħata wkoll lill-forzi dixxiplinati, u ħafna aktar drittijiet li l-ħaddiem qed igawdi grazzi għall-ħidma tal-Gvern Laburista.
Sfidi għad hemm, anke jekk ta’ bixra differenti. Illum, l-għafsa hi fuq il-ħtiega li jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali tal-ħaddiem. Ghalhekk l-impenn biex ikollna ambjent aktar b’saħħtu, ħalli l-ħaddiem ikun jista’ jgawdi l-mistrieħ mistħoqq wara ġimgħa ta’ ħidma. Is-sitwazzjoni internazzjonali wasslet għal żieda fil-prezzijiet tal-affarijiet bażiċi, u oħrajn li mhumiex. L-għafsa ta’ din iż-żieda l-ewwel ma jħossha l-ħaddiem. Iżda anke hawn, Gvern Laburista qed jagħmel ħiltu kollha biex itaffi l-impatt ta’ dawn iż-żidiet: Ghalhekk li se jkompli jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija; għalhekk li fl-eqqel tal-pandemija, u wara, sostna l-pagi tal-ħaddiema u n-negozji.
Il-Partit Laburista minn dejjem kellhu qalb soċjali b’saħħitha. Il-kredu tagħna huwa wieħed soċjalista li jistrieħ fuq il-pedament sod tal-ġustizzja soċjali. Għalina, l-ħaddiem, bhal Malta, dejjem jiġi l-ewwel u qabel kollox. Meta ngħidu li għandna fiduċja fil-ħaddiema ma nkunux qegħdin nilgħabu għall-gallarija. L-aħħar 65 sena taw prova ċara ta’ dan. Il-martirju li għex il-ħaddiem, kawża tal-oppressjoni mill-forzi konservattivi, ċaħdu lill-Partit Laburista milli jiggverna. Il-moviment tal-ħaddiem minn dejjem kien it-tarka tan-nies tax-xogħol.
Dan l-aħħar nidejna l-akbar riforma fl-industrija tal-kostruzzjoni. L-għan ewlieni ta’ din ir-riforma hi li ndaħħlu aktar serjetà f’din l-industrija u li fuq kollox, ngħollu l-kwalita u nħarsu s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min jaħdem f’dan is-settur.
Il-kisbiet kbar li għamel il-ħaddiem Malti, taħt gvernijiet Laburisti, saru minkejja Oppożizzjoni distruttiva li ma titlifx opportunità waħda biex tipprova issawwat lil Malta u lill-ħaddiema. Dan l-aħħar nidejna l-akbar riforma fl-industrija tal-kostruzzjoni. L-għan ewlieni ta’ din ir-riforma hi li ndaħħlu aktar serjetà f’din l-industrija u li fuq kollox, ngħollu l-kwalita u nħarsu s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min jaħdem f’dan is-settur. Tal-Partit Nazzjonalista ma pparteċipawx fil-konsultazzjoni pubblika u wisq anqas ressqu proposti. Dan l-episodju, u ħafna episodji oħra, passat u riċenti, huma xhieda ta’ oppożizzjoni bla sustanza politika u negattiva.
Meta għada niltaqgħu fil-Belt Valletta ser niċċelebraw il-kisbiet tal-ħaddiem Malti u se nispjegaw, permezz tad-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, kif pajjiżna se jkompli jagħmel suċċess. Suċċess li, l-Partit Laburista huwa determinat li minnu jgawdi kulħadd iżda b’mod partikolari l-ħaddiema li dejjem kienu f’qalbna f’kull ma wettaqna biex intejbu l-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin.