Din hija l-ewwel darba li qed inniedu qafas lejn liċenzjar sħiħ ta’ dawk kollha li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni biex naġġornaw il-mod kif jaħdem. Proċess ġdid u meħtieġ li se jkun pass importanti għall-pajjiż, għas-settur innifsu u n-nies inġenerali.

Qed ngħaddu messaġġ ċar u b’saħħtu li min mhux lest li jaħdem kif suppost mhux se jkun postu fis-settur tal-kostruzzjoni.

Il-Gvern Laburista qed jerġa’ juri biċ-ċar li huwa Gvern li meta jiġi għall-mument tal-prova ma jkaxkarx saqajh biex jieħu d-deċiżjonijiet u jwettaq ir-riformi. Il-Gvern Laburista kien u għadu katalist tal-bidla u għalhekk ninsabu kommessi li nibqgħu nagħmlu riformi u bidliet li tant huma meħtieġa inkluż fis-settur tal-kostruzzjoni.

Is-settur tal-kostruzzjoni huwa settur li matul is-snin il-metodi li bih jitħaddem inbidlu u evolvew. Il-bini li konna nibnu tletin, erbgħin sena ilu huwa differenti minn dak li qed nibnu llum il-ġurnata. In-nies attwalment qed jistennew li jkollna settur tal-kostruzzjoni li jitħaddem b’mod responsabbli u bl-aqwa standards. Dan il-gvern qed jifhem u huwa konxju ta’ dak li jridu n-nies u dak li jeħtieġ il-pajjiż bħalissa. Huwa għalhekk li għall-ewwel darba ser nintroduċu liċenzja għall-kuntratturi tal-kostruzzjoni biex din tirregola lil min jaħdem f’dan is-settur. It-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini huma l-ewwel tliet attivitajiet li se jkollhom il-ħtieġa tal-liċenzja għax huma it-tliet oqsma ewlenin f’dan is-settur.

Bid-dħul ta’ dawn ir-regolamenti qed nwasslu messaġġ b’saħħtu favur kwalità ogħla u aktar serjetà fit-tħaddim f’dan is-settur. M’għadux żmien li jkun hemm kuntratturi li jaħdmu b’metodi inaċċettabbli u ta’ kwalità skadenti. Huwa għalhekk li ser naċċertaw li min jaħdem ikollu l-ħiliet meħtieġa u japplika standards kif jixraq ta’ kostruzzjoni. Fuq kollox qed jiġi aċċentwat li x-xogħol ta’ kostruzzjoni isir b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet ta’ terzi persuni u bl-inqas impatt fuq il-madwar u bl-inqas inkonvenjent possibbli.

Filwaqt li ser naċċertaw li l-kuntratturi jkunu aktar serji u dedikati u l-ħaddiema jkunu aktar mħarrġa f’dan is-settur, bir-regolamenti li ser nintroduċu se nżidu aktar l-infurzar fuq siti ta’ kostruzzjoni min-naħa tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Fil-preżent, l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni timpjega magħha 16-il spettur. Minn meta twaqqfet, l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni wettqet ‘il fuq minn 20,500 spezzjoni u ħarġet ‘il fuq minn 573 notifika biex jitwaqqfu x-xogħlijiet. Bl-introduzzjoni tar-regolamenti li ser ndaħħlu se nkunu nistgħu nsaħħu l-infurzar billi ningaġġaw spetturi ġodda fi ħdan l-awtorità u fuq kollox billi nagħtu setgħa akbar lill-istess Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni biex din tkun tista’ tagħmel sospensjoni jew revoka ta’ liċenzja. B’dan il-mod il-kuntrattur mhux biss ma jkunx jista’ jaħdem f’dak is-sit fejn hemm in-nuqqas iżda ma jkun jista’ jaħdem fl-ebda sit.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-aspett u l-għan ewlieni huwa li jkollna responsabiliazzazzjoni ta’ dan is-settur. Aħna rridu settur li jifhem u japprezza li hemm metodi aħjar kif isiru l-affarijiet, hemm metodi aħjar kif inti tista’ tagħmel proġetti mingħajr ma jkollok inċidenti, hemm metodi aħjar mingħajr jew bl-inqas konvenjent possibli. Din hija l-bidla radikali li rridu nkomplu nsaħħu f’din it-triq il-quddiem, f’dan l-avvanz, f’dan is-settur. Dak li qed nħabbru huwa bla preċedent u għalija dan huwa żgur bidla fid-direzzjoni lejn aktar serjetà u kwalità ogħla f’dan is-settur.