Qegħdin nimmiraw li sas-sena 2035, it-territorju Malti kollu jkun dikjarat bħala Area ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja.

Fil-jiem li għaddew ħabbarna li qed nibdew proċess biex nirriformaw is-sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet bil-għan li sas-sena 2035, it-territorju kollu Malti jkun dikjarat bħala Area ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja. Dan ikun ifisser li kull trasferiment ta’ proprjeta li jkun qed isir f’Malta u Għawdex, irid jiġi rreġistrat mal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Gvern Laburista sa mis-snin sebgħin kien għaraf il-ħtiega li l-qasam tal-artijiet f’Malta jkun regolarizzat għax hekk kien jixraq f’pajjiż li ried jibda jimmodernizza l-istrutturi tiegħu. Fil-fatt, wara wegħda elettorali fl-elezzjoni tal-1976, il-mibki Ministru ta’ dak iż-żmien, Joe Brincat kien ressaq fil-Parlament l-ewwel liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-Artijiet fl-1981 u din daħlet fis-seħħ fl-ewwel xhur tal-1982.

Wara aktar minn 40 sena ta’ esperjenza bit-tħaddim ta’ din il-liġi wasal il-mument li s-sistema kollha tkun aġġornata. Fil-pajjiż illum, l-għadd ta’ propjetajiet jiżboq bl-eluf kbar dak li kellna dakinhar filwaqt li l-għadd ta’ trasferimenti ta’ propjeta li jsiru ta’ kull sena ġab miegħu xogħol kbir lill-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet. Din is-sena biss sa Settembru, l-Aġenzija irreġistrat kważi 10,400 propjeta jew ipoteka u nutara jew individwi talbu aktar minn 20,424 riċerka lill-Aġenzija.

Kellna laqgħat preparatorji ma’ diversi stakeholders f’dan il-qasam sakemm ħriġna b’dokument komprensiv li fih qegħdin infissru l-ħsibijiet tagħna dwar x’jista’ jsir biex ikollna proċess ta’ Reġistrazzjoni tal-Artijiet li jkun wieħed Ċar, Effiċjenti u Effettiv.

Qegħdin nimmiraw li sas-sena 2035, it-territorju Malti kollu jkun dikjarat bħala Area ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja. Fis-snin li ġejjin, kull meta medda ta’ art tiġi dikjarata bħala Area ta’ Reġistrazzjoni Obbligatorja ikun ifisser li min ser ibiegħ jew jixtri xi propjeta f’din l-area, jew se jsir trasferiment fuq persuni minħabba wirt, jew issir xi ipoteika fuq propjeta f’żona ta’ reġistrazzjoni obbligatorja, dik it-tranżazzjoni tkun trid tiġi rreġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet.

Irridu nagħmlu din il-bidla wara aktar konsultazzjonijiet ma’ kull min huwa interessat. Għaldaqstant ftaħna konsultazzjoni pubblika li ser tibqa’ għaddejja sa l-aħħar ta’ Frar li ġej biex kulħadd jagħti l-fehma tiegħu u fejn ikun meħtieġ li ntejbu fuq dak li qed nipproponu, aħna lesti li nagħmlu dan. Anke qabel il-ġranet tal-festi li ġejjin, se nkun qed nagħmel laqgħat ma’ diversi korpi biex infissrulhom il-viżjoni tagħna f’aktar dettal u nisimgħu il-fehmiet tagħhom. Imbagħad f’Jannar u Frar se nkunu qed norganizzaw laqgħat pubbliċi għal setturi differenti li għandhom interess f’din ir-riforma.

Id-dokument li ppreżentajna huwa bbażat fuq ħames pilastri strateġiċi. L-istat se jkun qed jiżgura il-protezzjoni tad-drittijiet għall-propjeta lil kulħadd u allura Irridu sistema li tkun trasparenti filwaqt li tkun qed issaħħaħ id-drittijiet ta’ kulħadd. . Infakkar li llum, l-għadd ta’ dawk li huma sidien ta’ darhom huwa 80% tal-popolazzjoni u  għaldaqstant irridu li jkollna sistema li tibda tagħti Ċertifikat ta’ titlu sigur li jġib miegħu benefiċċji għaliex jiffaċilita kull trasferiment ta’ propjeta u jkun jinkludi l-informazzjoni sħiħa dwar is-sit tal-propjeta u l-konfini tagħha.

Bir-riforma li qegħdin nipproponu rridu nġibu s-serħan il-moħħ lill-eluf li ta’ kull sena jkunu involuti f’bejgħ u xiri ta’ propjeta u li għaldaqstant jiġu mitluba jirreġistraw il-propjeta tagħhom mar-Reġistru tal-Artijiet. Irridu naslu f’punt fejn iċ-ċertifikat tat-titlu li jinħareġ mir-Reġistru tal-Artijiet iservi lin-nies bħall-Log Book tal-karozza, jiġifieri fiċ-ċertikat tkun inkluża l-informazzjoni kollha dwar il-propjeta u jkun juri biċ-ċar min huwa s-sid ta’ dik il-propjeta.

Permezz tal-liġi l-ġdida li ser inkunu qed nipproponu rridu li jkunu mplimentati wkoll miżuri aktar stretti kontra l-frodi fil-qasam tal-propjeta filwaqt li ser nipprovdu wkoll biex ikun hemm mekkaniżmu ta’ arbitraġġ li jevitaw li jkollhom jinfetħu kawżi fil-qrati li jġebbdu s-snin u minflok ikollna sistema ta’ rimedju għall-kwistjonijiet li jinqalgħu.

Permezz ta’ din l-istrateġija qegħdin infissru wkoll it-triq il-quddiem biex is-sistema kollha tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet tinqaleb f’waħda diġitali b’servizzi online għall-dawk kollha li jkollhom bżonn is-servizzi tal-Aġenzija. Din il-bidla diġitali għandha wkoll iżżid l-effiċjenza u anke t-trasparenza tas-sistema kollha.

Din hija riforma li l-ħtieġa tagħha ilu jinħass sewwa. Irridu nwettqu riforma li għaliha jkun ikkontribwixxa kulħadd u li meta naslu biex nibdew inwettquha jkollna kunsens mill-aktar wiesgħa. B’hekk l-implimentazzjoni ta’ din il-bidla tiżgura kwalita ta’ ħajja aħjar għax tkun qed tagħti serħan il-moħħ lil ħafna nies fuq dak li huwa l-akbar investiment li jkunu għamlu f’ħajjithom, ix-xiri tal-propjeta tagħhom.