“It-triq ‘l quddiem irridu nfassluha flimkien, u kulħadd irid ikollu sehem fl-ideat li jitressqu ’l quddiem.”
Is-sena li qed tintemm immarkat numru ta’ anniversarji importanti fl-istorja tagħna bħala pajjiż. Anniversarji li jfakkuna f’kisbiet kbar li għamlu missierijietna u għażliet importanti li għamilna bħala poplu tul is-snin. Kisbiet li tawna s-sovranità, kostituzzjoni repubblikana, il-ħelsien minn Malta bħala bażi militari u s-sħubija fl-Unjoni Ewropeja.
Pajjiżna hu dak li hu llum b’riżultat ta’ dawn il-kisbiet u l-għażliet li saru tul is-snin. L-għarfien tal-mixja ta’ pajjiż hija meħtiega, għaliex min ma jafx minfejn hu gej qatt ma jista’ jkun jaf ‘l fejn sejjer. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-kisbiet ta’ pajjiżna tul is-snin għandħom iservuna bħala punt ta’ tluq lejn il-ġejjieni.
Irridu niċċelebraw li matul is-snin, pajjiżna rnexxilu jibni ekonomija b’saħħitħa. Ekonomija li qed tikber b’rati bla preċedent u li qed toħloq xogħol għal kulħadd. Il-mistoqsija li rridu nwiegbu hija x’Malta rridu fiż-żmien li ġej. X’għażliet irridu nagħmlu llum biex infasslu il-Malta t’għada. X’inhu dak it-tajjeb li rridu nkomplu nibnu fuqu u fejn hemm bżonn inbiddlu.
Qed ngħixu f’dinja li qed tinbidel b’rata ferm aktar mgħaġġla, li fiha diversi instabilitajiet u kunflitti, li qed tara avvanzi tekonoloġiċi kbar bit-tħaddim tal-intelligenza artifiċjali. Dinja li fiha rwoli u xogħlijiet differenti li se jkunu qed jieħdu post xogħlijiet li nafu bihom sal lum.
Dan kollu iwassalna mhux biss biex inħarsu lejn il-futur bħala tkomplija tal-preżent, iżda li nifmhu kif irridu nitħejjew għal dak kollu li dan it-tibdil se jgib miegħu. It-tħejjija hija importanti, specjalment biex nippreparaw lill-generazzjonijiet li telgħin.
Filwaqt li rridu nħejju għal dawn l-isfidi, irridu nibqgħu nagħmlu l-għażliet it-tajba biex l-ekonomija tibqa’ b’saħħitħa. Irridu naġġornaw il-mod kif naħdmu biex pajjiżna isir wieħed ta’ aktar kwalità. Pajjiż li jattira aktar attivitajiet li jħallu valur akbar, u li jnaqqsu l-impatti negattivi tal-attività ekonomika.
F’inqas minn 75 sena, dan il-pajjiż irnexxilu jibni ekonomija sostenibbli, b’setturi ekonomiċi varji. Mill-gdid ninsabu f’mument importanti biex bħalma ta’ qabilna kisbu dak li għandna llum, inkunu aħna li naġġornaw dan kollu għall-ġejjieni. Imma t-tkabbir ekonomiku waħdu mhux biżżejjed.
Irridu naċċertaw aktar benessere, f’soċjetà li tagħder u li twennes lil min għaddej minn diffikultà. Aktar nies qed juru li pajjiżna għandnu bżonn aktar spażji miftuħa għall-familji. Qed ngħixu f’dinja bi sfidi ta’ tibdil fil-klima. Qatt daqs illum m’hu qed naraw xejriet ġodda fl-ambjent, li qed jagħtuna idea aktar ċara tar-riżultati tal-bidla fil-klima. Il-mistoqsija tibqa’ b’liema rata se nwettqu dak meħtieġ kemm bħala pajjiż kif wkoll fil-kommunità internazzjonali, biex dan nindirizzawh.
Il-bidliet u tħejjija għall-futur ma ssirx biss bl-għażliet li jsiru fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, iżda bil- parteċipazzjoni dejjem akbar mill-isħab soċjali. It-triq ‘l quddiem irridu nfassluha flimkien, u kulħadd irid ikollu sehem fl-ideat li jitressqu ’l quddiem.
Filwaqt li rridu nsaħħu l-attività ekonomika, ma nistgħu qatt ninsew li l-aktar riżorsa li dejjem irnexxejna biha f’dan il-pajjiż hija r-riżorsa umana. Għalħekk, tibqa’ priorità li pajjiżna joffri aktar tagħlim u taħriġ ta’ livell għoli, li jkun aġġornat għal dak li se toffri d-dinja fiż-żmien li ġej.
Quddiemna għandna triq mimlija sfidi, imma rridu nħarsu b’ottimiżmu u b’kuraġġ. Bħalma pajjiżna kellu l-ħila jasal fejn wasalna llum fi żmien qasir, bl-istess determinazzjoni, rieda u kuraġġ li kellhom ta’ qabilna, infasslu ‘l futur flimkien b’ottimiżmu.
Nawgura s-sena t-tajba lill-kulħadd.