Fil-bidu ta’ Jannar tal-2020 l-Prim Ministru Robert Abela ħa t-tmun tat-tmexxija ta’ pajjiżna. Kienu żminijiet b’ċirkustanzi diffiċli. Waqt li kien qed jieħu l-ġurament tal-ħatra bdejna nisimgħu aħbarijiet dwar kif il-Coronavirus beda jinfirex fi bliet Ċiniżi u anke waslu l-ewwel każijiet fl-Ewropa u fl-Istati Uniti tal-Amerika. Minn dakinhar, l-istorja jafha kulħadd u d-dinja bdiet tħabbat wiċċha ma’ l-akbar kriżi li qatt kellha mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.
Kienet id-determinazzjoni u t-tmexxija soda tal-Prim Ministru u ta’ gvern sħiħ magħqud warajh, li minkejja dawn l-isfidi kbar rnexxielna fl-aħħar sentejn inkomplu mmexxu l-pajjiż ‘l quddiem, niksbu riżultati tajbin għall-pajjiżna u noħolqu aktar ġid b’riżq il-familji Maltin u Għawdxin.
Fil-qasam li ħdimt fih jien, dak tal-Fondi Ewropej, kellna l-isfida li niksbu għal pajjiżna mill-Unjoni Ewropea allokazzjoni finanzjarja sodisfaċenti għas-sebgħa snin 2021-2027. Wara negozjati twal u diffiċli u f’nofs pandemija irnexxielna niksbu għal pajjiżna allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun ta’ Fondi Ewropej. Fix-xhur u s-snin li ġejjin se nibdew naraw il-frott tal-investimenti kbar li se nwettqu b’dawn il-fondi.
Ftit jiem jiem biss qabel il-Milied rċevejna l-ewwel pagament ta’ €41 miljun mill-għotja ta’ kważi €320 miljun mill-Fond Ewropew għal-Irkupru u r-Reżiljenza ħalli nagħtu spinta u nwettqu l-pjan tagħna li ffirmajt il-ftehim dwaru mal-Kummissjoni.
F’dawn l-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida ħa nkun qed naħdem mal-Ministeri kollha biex nikkordinaw il-ħidma li trid issir biex il-proġetti u r-riformi kollha maqbula mal-Kummissjoni Ewropea nibdew inwettquhom fix-xhur li ġejjin. Hemm riformi li diġa sar ħafna xogħol fuqhom filwaqt li fuq diversi proġetti ta’ investiment sar ukoll xogħol preparatorju għat-twettieq tagħhom.
Il-Pjan ta’ Rkupru tagħna jagħti importanza kbira lill-ambjent u fil-fatt se ninvestu 54% tal-għotja kollha fi proġetti ambjentali fosthom biex binjiet pubbliċi jkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija filwaqt li qed inżidu l-inċentivi għax-xiri ta’ karozzi elettriċi. Qed ninvestu wkoll biex isiru aktar charging points għall-karozzi elettriċi, nibdew nibdlu l-flotta tal-karozzi użati fis-servizz pubbliku għal dawk elettriċi u anke biex nibdew nibdlu l-karozzi tat-trasport pubbliku. Ippjanajna li 27% oħra tan-nefqa mill-għotja mill-Fond tal-Irkupru u Reziljenza tmur għal proġetti konnessi mal-qalba lejn ekonomija diġitali fosthom b’investiment qawwi biex issir diġitiliżazzjoni fis-sistema ġudizzjarja tagħna. Irridu din is-sena naraw ukoll il-bidu ta’ proġetti ewlenin oħra bħal dak tal-bini tal-kampus il-ġdid tal-ITS, il-bini taċ-Ċentru l-ġdid tad-demm u l-bini ta’ moll ġdid fl-inħawi ta’ Buġibba biex ninkoraġixxu aktar it-trasport bil-baħar.
Is-sena l-ġdida qegħda ġġib magħha wkoll it-twettieq ta’ bosta mill-miżuri soċjali li tħabbru fil-Budget ta’ Novembru li għadda. Dan kien budget li kompla jsaħħaħ il-qafas soċjali ta’ pajjiżna b’żidiet sostanzjali fil-pensjonijiet, fil-benefiċċji għar-romol u dawk bi bżonnijiet speċjali u aktar inċentivi favur in-nies bieżla, fosthom bi tnaqqis fit-taxxa fuq l-overtime u inċentivi oħra.
Din is-sena wkoll se naraw titwettaq il-miżura tat-trasport pubbliku b’xejn mill-1 ta’ Ottubru li ġej u anke żidiet fl-istipendji għall-istudenti universitarji.
Ħa nkomplu mmexxu l-pajjiżna bl-akbar kuraġġ u determinazzjoni biex nipproteġu s-saħħa tal-poplu tagħna mill-pandemija dinjija li reġgħet refgħet rasha fl-aħħar ġimgħat. Fl-istess waqt li qed inkomplu nestendu l-għajnuna lin-negozji milquta qegħdin ukoll noffru protezzjoni lill-poplu kollu billi nagħtuh l-opportunita jitlaqqam bil-boosters ħalli nkunu nistgħu ngħixu ħajja li tkun qrib in-normalita kemm jista’ jkun.
Ninsabu lesti għall-isfidi li qed toffrilna s-sena l-ġdida, l-2022, xejn inqas minnhom l-isfida li mmorru quddiem il-poplu tagħna u nerġgħu nitolbuh il-fiduċju ħalli nkomplu mmexxu l-pajjiż fiż-żmien li ġej. Irridu nibqgħu naħdmu b’saħħitna kollha biex inkomplu nagħmlu l-ġid lill-poplu tagħna. Ħidmitna se tibqa’ maħsuba biex f’pajjiżna jinħoloq il-ġid u dak il-ġid jasal għand kulħadd. Determinati li b’ħidmitna nibqgħu ninvestu fin-nies u nibqgħu niksbu suċċess għal pajjiżna.