Meta għaxar snin ilu ingħatajna l-mandat biex immexxu l-pajjiż sibna ekonomija b’attività batuta.

Fl-2013 il-Partit Laburista tela’ bl-għajta li se jagħti spinta ‘l quddiem l-ekonomija u fil-fatt dak li għamilna. Kemm ilna fit-tmun tal-pajjiż naqqasna l-qgħad u t-taxxi biex il-familji jkollhom aktar flus fil-but u jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Barra minn hekk, investejna f’niċċeċ ekonomiċi ġodda u saħħaħna dawk eżistenti.

Għadni niftakar sew il-Partit Nazzjonalista jbeżża’ lill-votanti li jekk il-Partit Laburista jkun fil-Gvern ħafna nies kienu ser jispiċċaw jirreġistraw għax-xogħol. Illum nafu li din kienet ħrafa biex tbeżża’ lin-nies għax ġara l-oppost ta’ dak li qalu dak iż-żmien.

Mhux talli l-qgħad kompla jonqos sena wara l-oħra, iżda tant kibret b’ritmu mgħaġġel f’qasir żmien l-ekonomija Maltija li min iħaddem qed isibha diffiċli biex isib ħaddiema ġodda. Dak li għamilna huwa bażi biex aħna nkomplu nsaħħu lil pajjiżna u nkomplu noħolqu x-xogħol.

Fl-istess waqt, irridu nirrikonoxxu wkoll li t-tkabbir ekonomiku ġab miegħu realtajiet ġodda għall-pajjiżna fosthom ħtieġa għal aktar ħaddiema li wassal għal żieda fil-popolazzjoni u bżonn ta’ aktar żvilupp biex in-nies ikollhom post fejn jgħixu.

Fid-dawl ta’ dan hemm bżonn li l-formula li użajna fl-aħħar għaxar snin inkomplu nibnu fuqha b’mod li din tikkunsidra l-kuntest li qed ngħixu fih illum biex l-isfidi li għandna quddiemna jiġu indirizzati. Ikun żball jekk inwaqqfu t-tkabbir ekonomiku li ħdimna għalih b’tant bżulija fl-aħħar għaxar snin. Madanakollu, is-suċċess ġab realtajiet ġodda f’pajjiżna li rridu nagħtu t-tweġibiet għalihom u nkomplu ntejbu l-kwalità tiegħu.

Dan it-titjib fil-kwalità rridu nagħmluh f’kull qasam u mhux l-inqas fil-qasam tal-kostruzzjoni. Fl-aħħar snin partikolarment mill-2017 ‘il quddiem pajjiżna esperjenza tkabbir sostanzjali fl-industrija tal-kostruzzjoni. Dan kollu ħalla u qed iħalli impatt għaliex it-tip ta’ żvillup li għandna f’pajjiżna huwa mifrux u b’hekk huwa suġġett li joħloq diskussjoni. Għaldaqstant, aktar minn qatt qabel jeħtieġ li l-kelma kwalità trid tkun il-mira li trid tintlaħaq f’kull xogħol li qed isir. In-nies jridu jaraw settur ta’ kostruzzjoni li jagħmel qabża fil-kwalità kemm fil-mod kif isir ix-xogħol kif ukoll kif isir il-pjannar għall-ġejjieni. In-nies jridu jserrħu rashom li min qed jagħmel proġetti ta’ kostruzzjoni fil-viċinanza tagħhom jaf x’inhu jagħmel u x-xogħol isir b’mod responsabbli.

Tlaqna mill-fatt li pajjiżna kellna liċenzja waħda biss, il-liċenzja tal-bennej li kienet ilha ma tiġi riveduta għexieren ta’ snin. Bid-dħul tar-regolamenti dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi li se tkun qed tirregola lil min jista’ jwettaq xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u bini għamilna riforma li qatt ma rajna bħalha qabel. Din se ddaħħal sens ta’ dixxiplina għax jekk wieħed jonqos din tista’ tiġi sospiża jew revokata, bħal meta jkollok liċenzja tal-karozza. B’dan il-mod qed nagħmlu distinzjoni ċara bejn il-kuntratturi serji u responsabbli fil-mod kif jaħdmu u dawk li jaħdmu mingħajr taħriġ u b’nuqqas ta’ responsabbiltà. Qed inwasslu messaġġ b’saħħtu favur kwalità ogħla u aktar serjetà fit-tħaddim f’dan is-settur biex il-kostruzzjoni ssir b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet ta’ terzi persuni u bl-inqas impatt fuq il-madwar.

Fl-aħħar jiem, intemmet il-konsultazzjoni pubblika dwar it-tibdil fir-regoli tal-liċenzja tal-bennej. Din hija riforma oħra importanti  biex inkomplu ngħollu l-livell fis-settur tal-kostruzzjoni. Filwaqt li dawn ir-regolamenti qegħdin jikkumplimentaw ir-regolamenti l-ġodda li ġew introdotti mill-Gvern dwar l-obbligu tal-liċenzjar tal-kuntratturi, dawn se jiddefinixxu x’ħiliet irid ikollha persuna biex titqies bennej liċenzjat.

Fl-aħħar jiem ukoll ġejt ippreżentat bl-ewwel rapport tar-riċerka li saret mill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta biex isir kompendju tal-liġijiet li jolqtu s-settur tal-kostruzzjoni. Nemmen li dan il-proċess huwa bidu tajjeb għal analiżi li se jservi b’mod importanti fil-proċess ta’ tisħiħ ta’ regolamenti li qed iwettaq il-Gvern għas-settur tal-kostruzzjoni.

IL-gvern immexxi mill-Partit Laburista kien katalist għal suċċess ekonomiku u soċjali f’pajjiżna. Dak li kiseb pajjiżna irridu nkompli nibnu fuqu għall-ġejjieni. Irridu ngħarrfu r-realtaijiet ġodda u l-isfidi tal-lum u ta’ għada. Ħidmitna triq tibqa’ tkun maħsuba biex nibqgħu nimxu ‘l quddiem u nassiguraw li f’pajjiżna jibqa’ jinħoloq il-ġid u l-ġid jitgawda għall-avvanz ta’ kulħadd.