Il-kwalità tal-ħajja tan-nies fil-lokalitajiet f’pajjiżna tista’ tkompli titjieb permezz ta’ servizzi u xogħlijiet li jsiru biex insebbħu żoni differenti, nipprovdu faċilitajiet ġodda kif wkoll nieħdu ħsieb patrimonju li ħallew ta’ qabilna. Id-Dipartiment tax-Xoghlijiet Pubbliċi qed iwettaq bosta proġetti f’lokalitajiet differenti f’bosta okkażjonijiet b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali. Din il-kollaborazzjoni qed tagħti riżultati u se nkomplu naħdmu aktar flimkien.

Huwa fatt magħruf li l-Kunsilli Lokali f’bosta okkażjonijiet jitolbu l-assistenza tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex jgħinhom iwettqu proġetti li mingħajr l-appoġġ ta’ dan id-Dipartiment ftit ikollhom tama li jistgħu jwettqu. Id-Dipartiment jipprovdilhom assistenza mhux biss fit-tfassil u l-ippjanar tal-proġetti imma mbagħad anke jassisti fit-twettiq tagħhom.

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huwa mgħoni bi professjonisti ta’ esperjenza fosthom periti u inġiniera, u anke ħaddiema speċjalizzati f’diversi snajja’ fosthom mastrudaxxi, ħaddieda, bennejja u oħrajn.

L-elenku ta’ xogħlijiet li tul il-medda ta’ snin twettqu minn dawn il-ħaddiema jixhed is-siwi kbir ta’ dan id-Dipartiment.

Kien ta’ sodisfazzjon fl-aħħar jiem naraw it-tlestija tal-proġett tar-restawr u r-rikostruzzjoni tal-Mitħna tax-Xarolla wara l-ħsarat kbar li ġarbet bil-maltempata ta’ Marzu tas-sena l-oħra. Ix-xogħol metikoluż li wettqu l-ħaddiema tal-Garaxx tal-Gvern f’Kordin biex irrestawraw din il-ġawhra storika fiż-Żurrieq huwa wieħed ta’ min ifaħħru u li juri l-kapaċitajiet ta’ dawn il-ħaddiema. Ix-xogħol tagħhom wassal biex in-nies taż-Żurrieq, il-Maltin b’mod inġenerali u anke t-turisti issa jistgħu jerġgħu jgawdu dan il-wirt storiku li daqt jagħlaq it-tliet mitt sena.

Minbarra x-xogħlijiet fuq binjiet ta’ wirt storiku, il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jagħtu sehemhom biex jgħinu lill-komunitajiet tagħna b’diversi modi. Għadna kif inawgurajna ġnien Bir l-Iljun fir-Rabat fejn tajna spazju miftuħ għat-tgawdija tar-residenti tal-inħawi. Isiru kontinwament xogħlijiet ta’ patching fit-toroq u anke water culverts filwaqt li jsir xogħol ukoll fuq bankini bħalma sar fil-Furjana u f’San Pawl il-Baħar. Għaqdiet ta’ volontarjat bħall-klabbs tal-Boċċi tal-Birgu, Bormla u ż-Żejtun gawdew minn xogħlijiet li saru mill-ħaddiema tad-Dipartiment bħall-klabbs tar-Regatta ta’ Birżebbuġa u l-Birgu. Saret ukoll l-art ġdida fejn jitpoġġew id-dgħajjes f’Wied iż-Żurrieq filwaqt li fi Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija sar xogħol sostanzjali ta’ manutenzjoni fuq l-injam, ħitan u pompi ġodda. Fix-Xgħajra għaddej proġett biex jinbidel ir-railing kollu tul ix-xatt.

Hemm diversi ġonna pubbliċi li qed igawdu mix-xogħol tal-Ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Insemmi fost l-oħrajn Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa, Ġnien George Zarb f’San Ġwann, u Ġnien il-Madonna ta’ l-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq. Id-Dipartiment, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tat-Turiżmu qed jieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tar-railings f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, l-Qawra u l-Mellieħa.

Bħalma ġara fil-każ tal-Mitħna tax-Xarolla, ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u kuntratturi mqabbda mill-istess Dipartiment ikunu wkoll involuti f’xogħlijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ binjiet storiċi bħax-xogħol li sar fuq il-Pont ta’ Gomorino taħt l-Imtarfa. Sar xogħol ta’ restawr fuq id-dawl tal-faċċata tal-Kappella ta’ Loretu fil-Gudja filwaqt li l-pjazza ta’ quddiemha ġiet pavimentata. Qed jinbidlu l-ballavostri kollha taz-zuntier tal-Knisja ta’ Sant’Antnin f’Għajn Dwieli filwaqt li beda x-xogħol preparatorju ħalli jinbena mill-ġdid iz-zuntier kollu tal-Knisja ta’ San Nikola tas-Siġġiewi. Sar ukoll xogħol f’parti miz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq li kellu ħsarat strutturali.

Xogħol ieħor importanti mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet huwa dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll tal-ilmijiet tax-xita. Isiru diversi xogħlijiet f’postijiet kritiċi fejn huwa magħruf li jinġabar ħafna ilma speċjalment waqt xi maltempata bil-għan li dan jgħaddi mingħajr xkiel u nevitaw għargħar f’dawn il-postijiet.

Mingħajr l-ebda dubju, is-siwi tax-xogħol li jagħmlu l-ħaddiema tad-Dipartiment huwa wieħed vast u ta’ siwi kbir għall-komunitajiet tagħna fl-ibliet u l-irħula tagħna. Irridu nkunu ċerti li dan id-Dipartiment jibqa’ mgħammar bl-aqwa talent ta’ ħaddiema tas-sengħa biex ikunu jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħna u tal-pajjiż b’mod inġenerali. Irridu nkomplu ninvestu fit-taħriġ taż-żgħażagħ tagħna biex snajja’ użati minn ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’dawn il-proġetti għall-komunitajiet tagħna jibqgħu ħajjin u nibqgħu insibu l-Maltin li lesti jagħmlu dan ix-xogħol.