“Qed nużaw il-Fondi Ewropej b’mod għaqli, mirqum u b’viżjoni”
Bħala parti mill-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Fond Soċjali tal-Klima, il-Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali organizza sessjoni ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tal-kunsilli lokali dwar inizjattiva ġdida b’investiment ta’ €6 miljun minn Fondi Ewropej għal aktar proġetti ta’ trasport ekoloġiku fil-lokalitajiet tagħna. Din ma kinitx biss sejħa għal proposti; iżda stedina għal djalogu miftuħ ma’ dawk li verament jafu x’inhuma l-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħna.
Il-kunsilli lokali huma l-ewwel linja ta’ kuntatt għal ħafna ċittadini. Huma jafu fejn hemm il-bżonn, u fejn l-investiment jista’ jagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Għalhekk, bħala Ministru, dejjem emmint li konsultazzjoni diretta magħhom hija kruċjali. Ebda strateġija, tajba kemm hi tajba, ma tista’ tirnexxi jekk ma tindirizzax il-proposti u s-suġġerimenti ta’ dawk li jmexxu l-komunitajiet tagħna minn jum għal jum.
L-għan hu wieħed ċar: li nużaw il-fondi Ewropej b’mod għaqli, mirqum u b’viżjoni. Il-Gvern irid jassigura li dawn il-fondi jaslu fejn verament hemm il-bżonn – f’rotot aħjar għall-mixi u għal mezzi alternattivi ta’ trasport, f’servizzi pubbliċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet, u f’faċilitajiet li jgħinu lin-nies l-aktar vulnerabbli jivjaġġjaw b’mod sigur u sostenibbli.
Il-preżentazzjoni teknika waqt is-sessjoni, kif ukoll il-kontribut validu ta’ ħafna kunsilliera u rappreżentanti reġjonali, uriet kemm hemm rieda u enerġija biex nagħmlu passi ‘l quddiem flimkien. Din hija l-qalba tal-politika ta’ dan il-Gvern: politika ta’ għaqda, ta’ komunikazzjoni, u ta’ investiment ibbażat fuq l-impatt reali li nistgħu noħolqu.
Din il-konsultazzjoni ma ssarrafx biss f’aktar investiment; iżda turi wkoll fiduċja. Fiduċja li l-Gvern qed ikompli jafda lill-kunsilli bħala msieħba ċentrali fl-implimentazzjoni tal-viżjoni tagħna għal Malta aktar nadifa, iktar mobbli, u iktar sostenibbli. L-għażla li nkunu fuq quddiem fil-qasam tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja hija f’idejna – u bil-koperazzjoni mal-kunsilli lokali u l-partijiet kollha kkonċernati, din l-għażla tista’ ssir realtà.
Għaldaqstant, nistieden lil dawk kollha interessati jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika li se tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ Ġunju 2025, billi jibgħatu il-kummenti tagħhom fuq publicconsultation.gov.mt jew fondi.eu