“L-aqwa investiment li rridu nagħmlu għall-ġejjieni huwa investiment robust fil-qasam tal-edukazzjoni.”

L-aħħar jiem ta’ Settembru, ta’ kull sena huma l-bidu ta’ sena skolastika. Eluf ta’ tfal u żgħażagħ jmorru lura għal sena ġdida. Sena li toffri esperjenżi ġodda, opportunitajiet ta’ tagħlim ġdid, ħbieb godda, tamiet ġodda u orizzonti ta’ ġejjieni. Tfal u żgħażagħ li għandhom l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħhom, li għandhom esperjenzi varji ta’ ħajja minkejja l-età żgħira tagħhom.

Pajjiżna dejjem emmen li l-aqwa investiment li rridu nagħmlu għall-ġejjieni huwa b’investiment robust fil-qasam tal-edukazzjoni. Investiment fi skejjel li joffru ambjent mill-aqwa, ambjent attrajenti u li joffri esperjenza sabiħa fil-jiem tal-iskola. Investiment fl-għalliemi u dawk kollha li joffru assistenza fit-tagħlim tat-tfal. Investiment fit-tagħmir u dak kollu meħtieġ biex jassisti fl-espejenza edukattiva.

Dan kollu huwa mehtieg biex inkomplu nsostu l-qasam edukattiv li f’pajjiżna bnejna tul is-snin. Pajjiż li għandu biex jiftaħar għax joffri servizzi edukattivi ta’ l-għola livell mill-primarja sal-livell ta’ Università li huma b’xejn għal kulħadd. Pajjiż li baqa’ jżid u jwessa’ l-opportunitajiet ta’ tagħlim u li saru sforzi kbar biex jitneħħa kull xkiel għat-tagħlim.

Filwaqt li rridu nkomplu nsaħħu dan kollu, jeħtieġ li nżidu l-isforzi kollha tagħna biex dawk li jaqgħu u waqgħu lura fit-tagħlim, nerġgħu nagħtuhom l-opportunità ta’ tagħlim u taħriġ. Pajjiżna jista’ jkompli jirnexxi sakemm ikollna l-aktar workforce li tkun imħarrġa u li tista’ toffri l-aqwa xogħol u servizzi possibbli. L-opportunitajiet ta’ xogħol Ii qed jattira pajjiżna, it-tijib fil-kundizzjonijiet flimkien mas-suċċess ta’ aktar persuni jiddependi fuq kemm inkomplu niżguraw aktar tagħlim u taħriġ.

L-investiment li ma jaqta’ xejn fil-qasam tal-edukazzjoni huwa prova ċara tar-rieda ta’ pajjiżna fis-suċċess tal-ġenerazzjonijiet futuri, jeħtieġ li nkompli nagħrfu is-sinjali tal-bidliet li qed iseħħu fil-preżent u dawk li qed juruna x’se jkun qed joffri l-ġejjieni. Pajjiżna qed jesperjenza avvanzi u żvillupp mingħajr preċedent. Madwarna, fuq il-livell internazzjonali għaddejjin żvilluppi li jeħtieġ li nkunu lesti għalihom. Dan huwa parti mill-proċess ta’ tiġdid li rridu nagħmlu f’pajjiżna inkluż fil-qasam edukattiv.

Id-dinja ta’ għaxra, għoxrin sena ilu, mijhiex id-dinja ta’ għaxar snin għoxrin sena oħra. Dinja li qed toffri opportunitajiet ġodda li huma differenti minn dawk li offriet sal-lum. Dinja li fiha opportunitajiet ta’ xogħol li għandna llum se jkunu intesew fiż-żmien li ġej. Dan kollu jpoġġi fuqna responsablità aktar li niżguraw li qed ninvestu bl-aqwa mod biex il-ġenerazzjonijet t’għada huma imħejjija għal dan kollu.

“Is-suċċess li ksibna tul is-snin huwa il-pedament tas-suċċess li nistgħu inkomplu niksbu fiż-żmien li ġej.”

Pajjiżna dejjem ħaseb kif jitħejja għall-ġejjieni. Dejjem għamel għażliet importanti li servew bħala qafas li fuqu dan il-poplu irnexxielu jimxi ‘l quddiem. Minn pajjiż li għal snin sħaħ iddependa fuq dak li jonfoq il-ħakkiem barrani li użana għall-iskopijiet miltari tiegħu, għal pajjiż li llum joffri servizzi finanżjarji, huwa destinazzjoni turistika  li tattira numru dejjem jikber ta’ turisti, pajjiż li rnexxilu jibni bażi industrijali u li qed iħares lejn investimenti ġodda li jeħtieġu aktar nies imħarrġa. Pajjiż li għalkemm m’għandu ebda riżorsa naturali, irnexxilu jagħmel suċċess ekonomiku grazzi għall-għaqal, bżulija u ħila tal-Maltin u ta’ dawk kollha li kellhom jew għandhom rwol ta’ tmexxija.

Is-suċċess li ksibna tul is-snin huwa il-pedament tas-suċċess li nistgħu inkomplu niksbu fiż-żmien li ġej. Ir-rieda qawwija tagħna bhala poplu trid tibqa’ tmexxija biex nagħmlu l-aħjar għażliet. Għażliet ibbażati fuq is-sinjali ta’ dak li se joffri l-ġejjieni. Suċċess li jiddependi fuq l-għażliet li nagħmlu llum, l-għażliet li bihom infasslu il-futur tagħna, u nfasslu t-triq biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu lesti biex jilqgħu u jegħlbu b’suċċess l-isfidi tal-ġejjieni.