Id-diskussjoni politika f’pajjiżna, aktar ma jgħaddi z-zmien, aktar turi b’mod ċar min jista’ joffri l-aħjar soluzzjonijiet għal pajjiżna.
Il-passat riċenti jurina biċ-ċar min jista’ joffri l-aħjar formola għal pajjiżna biex ikompli jikber ekonomikament, jibqa’ pajjiż mimli opportunitajiet u fuq kollox pajjiż li jkompli jaħdem biex itejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu tiegħu.
Jekk wieħed iħares ftit tas-snin lura, mill-ewwel wieħed jintebaħ kif l-ekonomija ta’ pajjiżna, minn waħda kajmana, waħda li taqta’ lura, waħda mifnija bil-qagħad, waħda li ma toffrix il-fiduċja biex nattiraw l-investiment, saret ekonomija ta’ suċċess. Flimkien ksibna ekonomija li toħloq ix-xogħol b’rati bla preċedent, ekonomija li kattret il-ġid u li attirat bosta lejn pajjiżna.
Ta’ min wieħed jgħid, li ekonomija li tkun qed tgħotor, ekonomija li ma tiflaħx terfa’ l-piz tagħħa stess kif kienet l-ekonomija ta’ pajjiżna fl-aħħar snin ta’ amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, ħija sors ta’ sfidi u diffikultajiet li jistgħu jingħelbu biss permezz ta’ tkabbir ekonomiku. Dak huwa li wettaq dan il-gvern sa mill-ewwel jiem li ingħata mandat b’saħħtu biex imexxi lil pajjiżna.
Ekonomija li tkun qed tagħmel suċċess, wkoll toffri sfidi ġodda u differenti. Dan iwassal biex filwaqt li nkomplu nsostnu l-andament ekonomiku, rridu niżguraw li l-isfidi li dan is-suċċess igib miegħu irid jigu indirizzati wkoll. Il-ħidma tal-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qiegħed iwettaq ħidma biex dan iseħħ.
Mill-banda l-oħra, l-oppożizzjoni Nazzjonalista qed tagħzel li taġixxi xort’oħra. Oppożizzjoni li qed tonqos milli tressaq proposti meħtiega għal pajjiżna. Fin-nuqqas ta’ viżjoni li għandha għal pajjiżna, l-oppożizzjoni qed tagħzel li tkun oppożizzjoni populista. Oppożizzjoni li tagħzel li tipprova taqta’ qalb in-nies. Oppożizzjoni li tara kif tittanta li tibgħat messaggi li huma l-kontra ta’ dak li huwa meħtieġ għal pajjiżna.
Meta tara l-mod kif il-Partit Nazzjonalista mexxa lil pajjiżna fl-aħħar snin tat-tmexxija tiegħu, wieħed jirrealizza xi jwassal biex il-PN jibgħat messaġġ negattiv. Huwa riżultat tal-fatt li ma inbidlux, għadhom l-istess, jistgħu jinbidlu l-uċuħ imma l-ħsieb politiku għadu l-istess. Ħsieb politiku favur l-awsterita’, li jitfgħu il-piżijiet fuq in-nies imbagħad jippruvaw iwaħħlu f’xi ħaġa oħra jew ħaddieħor għal politika skaduta taghħom.
Aktar minn hekk, fin-nuqqas ta’ viżjoni għall-ġejjini ta’ pajjiżna, biex jidhru sbieħ, kull ma jagħmlu huwa li jippruvaw jirkbu fuq sentiment negattiv u minflok joffru s-soluzzjonijiet ikunu populisti. Dan it-tip ta’ aġir ma jbiddel xejn anzi joħloq problemi u diffikultajiet ġodda. Iwassal għall-firda u nuqqas ta’ rispett.
Fit-8 ta’ Gunju il-poplu Malti għandu opportunità biex mill-ġdid jibgħat messaġġ. Messaġġ b’saħħtu favur politika li toħloq il-ġid. Politika li toffri s-soluzzjoni t-tajba għal pajjiżna. Bil-vot tagħna nibgħatu messaġġ li ma rridux politika populista imma politika li toffri vizjoni sostenibbli għall-gejjini ta’ pajjiżna.