Kulħadd qed jitkellem dwar il-bidla fil-klima. Sas-sena 2050 għandna miri ċari li jridu jintlaħqu. Jeħtieġ li jkollna ekonomija u attivitajiet li jwasslu għal inqas emmissjonijiet.

Filwaqt li nitkellmu dwar dan qajla nirrealiżżaw li 40% tal-enerġija li tintuża fl-Ewropa hija marbuta ma’ attivitajiet fid-djar u fil-bini li aħna nużaw ta’ kuljum.

Dan ipoġġilna l-isfida li mhux biss naraw li nibnu bini li jkun isbaħ u b’metodi ta’ għolja. Imma jeħtieġ li dak li nibnu illum ikun bini li juża inqas enerġija. Din hija bidla importanti ferm li rridu nwettqu mingħajr ebda telf ta’ żmien.

Biex naslu għal dan irridu nkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija biex il-konsum innaqqsuh kemm jista’ jkun. Fattur ewlieni li jikkontribwixxi għal konsum qawwi ta’ enerġija huwa l-bini tagħna u l-mod kif konna u għadna nibnu sal-lum. Huwa għalhekk kruċjali li nibdlu radikalment il-metodi tagħna ta’ kif nibnu biex mhux biss intejbu l-kwalità tal-bini tagħna imma naraw li dan ikun jiffunzjona b’sistemi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Din il-bidla importanti nistgħu inwettquha biss jekk kull min huwa involut fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-propjetà jagħti s-sehem s-sħiħ tiegħu. Żviluppaturi, kuntratturi, sidien ta’ propjetàjiet u l-professjonisti f’dan il-qasam fosthom project supervisors, periti u inġiniera kollha jridu jagħmlu l-parti tagħhom biex ikun żgurat li l-bini jkun jaħdem b’effiċjenza enerġetika. Issa sar importanti wkoll għall-konsumatur li jkun se jixtri l-propjetà, li jesiġi m’għand min se jixtri, li jipprovdilu binja li tkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

L-istituzzjonijiet finanzjarji qed jimxu lejn sistemi ta’ evalwazzjoni ta’ self li jara x’inhuma l-kwalitàjiet tal-binja li se tiġi finanzjata.

F’dan kollu hemm settur ieħor importanti ħafna li wkoll irid jagħti l-kontribut tiegħu biex naraw li din il-bidla sseħħ tassew. Dan huwa s-settur tal-Banek u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji. L-istituzzjonijiet finanzjarji qed jimxu lejn sistemi ta’ evalwazzjoni ta’ self li jara x’inhuma l-kwalitàjiet tal-binja li se tiġi finanzjata.  Il-konsumaturi fiż-żmien li ġej jistgħu jiffaċċjaw sitwazzjonijiet fejn l-infieq tagħhom fuq is-self li jagħmlu ivarja skont kemm il-binja li jkunu se jixtru tkun taħdem b’effiċjenza enerġetika. Propjetà b’inqas effiċjenza enerġetika tista’ tfisser rati ogħla ta’ imgħax u għalhekk il-prezz tas-self ikun ogħla jew li saħansitra ma jingħatax self.

Huwa obbligu tal-Banek u l-Istituzzjonijiet finanzjarji li jinfurmaw lill-pubbliku b’dan it-tibdil li qed jippjanaw. Il-Banek mistennija jibdew jitolbu lill-klijenti tagħhom Ċertifikati aġġornati dwar l-effiċjenza enerġetika tal-propjetà li se jkunu qed jiffinanzjaw. Dan se jsir filwaqt li l-Awtorita dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, BCA ser tkun qed taġġorna hija wkoll iċ-Ċertifikat dwar l-Enerġija ta’ kull binja, magħruf bħala Energy Performance Certificate (EPC). Dan iċ-ċertifikat irid ikun aġġornat għar-realtajiet tal-lum għaliex kif qed jinħadem s’issa mhuwiex adekwat.

Jekk naħdmu flimkien nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn fil-mod kif nibnu inkunu żgur qed intejbu l-kwalità. Teżisti it-teknoloġija meħtieġa biex tgħinna nwettqu dawn il-bidliet. Għandna industrija tal-kostruzzjoni li jeħtiġilha timmodernizza minn sistemi antikwati biex tilqa’ għall-isfidi l-ġodda tal-lum. Bis-sehem ta’ dawk kollha involuti nistgħu naslu biex flimkien ikollna bini sostenibbli, bini li jħares l-ambjent, fuq kollox ikollna djar aħjar u ta’ kwalità għolja biex jitgawdew mill-familji Maltin u Għawdxin.