Il-prattika tal-konservazzjoni hija bbażata fuq il-valuri offruti mir-riżorsi tal-wirt arkitettoniku għal individwi, gruppi, komunitajiet u gvernijiet differenti. Iżda x’nifmhu eżatt b’konservazzjoni? X’importanza għandha fil-valur kollettiv tas-soċjetà tal-lum? Mingħajr ma nidħol f’teknikalitajiet, nistgħu ngħidu li fl-aktar forma sempliċi, l-konservazzjoni tinvolvi l-protezzjoni u l-manutenzjoni b’mod sistematiku u pjanat ta’ oġġetti, strutturi jew valuri li fil-kuntest storiku tagħhom, jixirqilhom rikonoxximent fuq bażi nazzjonali.

Dawn huwa propju dak li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għadu kemm wettaq permezz ta’ investiment ta’ €600,000 fir-rinnovazzjoni tal-Pont ta’ Gomorino – ġawhra arkitettonika oħra fiċ-ċentru ta’ Malta li tlestiet fl-1900 bħala parti mill-estensjoni għal-linja tal-ferrovija li kienet topera f’Malta għal kwazi 50 sena.

Il-ħsarat li saru matul is-snin kienu konsiderovoli fosthom fejn tidħol l-istruttura nnifisha. Għalhekk ġie deċiż li jinqala’ l-wiċċ eżistenti kollu u jsiru l-pedamenti tat-triq li tgħaddi minn fuq dan il-pont. Sar ukoll it-tisħiħ tat-truf tal-parapett fejn tneħħa l-ħajt preċedenti u sar railing tal-ħadid adegwat biex tiżdied is-sigurtà filwaqt li xorta waħda tkun tista’ titgawda l-veduta.

Minn barra it-triq saret ukoll bankina ġdida biex tintuża minn dawk li jħobbu jmorru jimxu f’din iż-żona. Is-servizzi eżistenti ġew mgħoddija minn taħt l-istess bankina filwaqt li ġiet installata sistema ta’ dawl moderna u aktar effiċjenti. Tajjeb li nsemmu li dan ix-xogħol sar b’osservazzjoni kontinwa tal-pjanti oriġinali li fuqhom inbena dan il-Pont u li d-Dipartiment għandu f’arkivju ta’ pjanti kbir ġewwa Project House, il-Furjana.

Madankollu, l-importanza storika ma kinitx l-unika raġuni għala ntagħżel propju dan il-pont għal dan l-investiment. Il-pożizzjoni tiegħu bejn l-Imtarfa u l-Imdina ukoll kienet fattur importanti li ġie kkunsidrat minħabba l-fatt li dan il-pont joffri aċċessibiltà kemm għal karozzi kif ukoll għal min iħobb jmur jippassiġġa fl-akwati. Ma nistgħux ukoll ma nsemmux il-valur estetiku ta’ dan il-pont li jikkumplimenta l-ġmiel naturali tal-Wied tal-Għeriexem.

B’portafoll ta’ proġetti li jvarjaw minn dawk komunitarji sa dawk nazzjonali bħalma hu l-Malta National Park, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikompli jkun ta’ servizz u qed iwettaq ħidma siewja madwar pajjiżna kollu. Għaldaqstant, nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti kif ukoll lil Kunsill Lokali tal-Imdina tal-kooperazzjoni fit-twettiq ta’ dan il-proġett.

Permezz ta’ proġetti ta’ dan it-tip irridu nkomplu nagħtu dehra ġdida lill-aktar opri arkitettoniċi ta’ pajjiżna biex jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri. Inħares ‘il quddiem għall-aktar impenn biex grazzi għall-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, nkomplu nwettqu proġetti li jkomplu jtejbu il-kwalità tal-ħajja tan-nies.