It-tmexxija ta’ Robert Abela imbarkat fuq programm b’saħħtu ta’ riformi f’pajjiżna.

Is-sentejn ta’ tmexxija ta’ Robert Abela kienu karatterizzati minn deċiżjonijiet u ħidma bla waqfien. Tmexxija li kellħa tiffaċċja diversi sfidi kbar li kienu jeħtieġu għażliet diffiċli u ta’ responsabbilità kbira. Għażliet li riedu jiżguraw li filwaqt li nieħdu ħsieb is-saħħa tan-nies ridna wkoll naraw li l-ekonomija ta’ pajjiżna ma tieqafx għal kollox.

L-għażliet li riedu jittieħdu riedu jilħqu bilanċ xejn faċli iżda important li jinżamm. Filwaqt li kien meħtieġ li jittieħdu miżuri biex nipproteġu s-saħħa tan-nies, ridna nassiguraw li l-ħaddiema ma jitilfux il-post tax-xogħol. Ridna niżguraw li minkejja l-miżuri meħtieġa naraw li nagħtu sostenn sħiħ li dawk kollħa li jipprovdu x-xogħol lill-ħaddiema.

Flimkien ma’ dawn l-għażliet importanti, it-tmexxija ta’ Robert Abela imbarkat fuq programm b’saħħtu ta’ riformi f’pajjiżna. Riformi meħtiega biex jissaħħu l-istituzzjonijiet li jħarsu s-saltna tad-dritt. Saru bidliet kbar fil-mod kif tinħatar il-ġudikatura, il-mod kif jinħatar il-President u dawn flimkien ma’ bidla fl-għażla tal-kummissajru tal-puliżija. Dawn huma wħud mir-riformi li seħħew li anke kisbu t-tifħir tal-Kummissjoni Ewropeja.

Il-gvern immexxi minn Robert Abela għamel għażliet ekonomiċi importanti ferm. Għażliet li permezz tagħhom ingħata sostenn lis-setturi varji tal-ekonomija Maltija. Fost l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, rajna s-settur tat-turiżmu għal xi żmien jieqaf kważi għal kollox. Kien għalhekk meħtieġ li flimkien ma’ setturi oħrajn, il-gvern jagħti sostenn biex dawn is-setturi ma jgħotrux. Illum, meta nħarsu lura u naraw r-riżultati li nkisbu, wieħed jinnota kemm għandna riżultati pożittivi u kemm l-għażliet li saru kienu għażliet tajba.

Filwaqt li nħarsu lura lejn il-kisbiet u r-riżultati li ksibna minkejja d-diffikultajiet tal-aħħar sentejn, irridu nżommu ħarsitna lejn il-ġejjieni u kif se nkomplu nħejju lil pajjiżna għall-futur. Futur li jrid jitfassal fid-dawl ta’ dak li seħħ fil-passat riċenti iżda fl-istess waqt irid jitfassal biex iwieġeb għall-isfidi l-ġodda.

Imbarkajna fuq diversi iniżjattivi li permezz tagħħom qed inwettqu programm ta’ rkupru ekonomiku. Inżjattivi mifruxa fuq diversi oqsma inkluż il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenża li huwa ffinanżjat minn Fondi tal-Unjoni Ewropea. Huwa pjan ta’ rkupru li mhux biss jagħti dak li huwa meħtieġ fit-triq lejn aktar tkabbir ekonomiku iżda huwa rkupru marbut wkoll ma’ trasformazzjoni tal-ekonomija tagħna.

Illum qed ninvestu biex filwaqt li l-ekonomija tkompli tikber, issir ekonomija aktar ħadra. Ekonomija li taħdem bl-inqas emmissjonijiet u li tagħmel inqas impatt ambjentali. Għandna miri ċari li rridu nilħqu sas-sena 2030 u sas-sena 2050. Dawn il-miri jeħtieġu iniżjattivi kbar u investiment qawwi imma li jridu jitwettqu b’mod li kulħadd jimxi ‘l quddiem u ħadd ma jitħalla lura.

Bl-istess mod, l-ekonomija tagħna trid tingħata l-ispinta meħtieġa biex timxi ‘l quddiem iżda ssir ekonomija aktar diġitali. Il-futur jinsab f’ekonomija aktar diġitali u pajjiżna ma jistax jibqa’ lura milli jimxi b’pass imgħaġġel f’din it-trasformazzjoni. Din il-bidla iġġib magħha opportunitajiet ġodda iżda wkoll tippreżentana bi sfidi ġodda wkoll.

Irridu nkunu imħejjia biex inwettqu dawn it-trasformazzjonijiet fl-ekonomija tagħna permezz ta’ investiment b’saħħtu u bidliet radikali li tant ħuma meħtieġa. Dan iżda, jista’ jseħħ biss jekk ninvestu aktar fil-ħiliet taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema. Dawn il-bidliet jeħtiegu ħiliet godda, ħiliet differenti. Bidliet li se jħallu impatt fuq il-qasam tax-xogħol. Filwaqt li sseħħ din il-bidla importanti, ma nistgħux nibqgħu naġixxu daqs li kieku dawn il-bidliet mhux qed iseħħu.

Nemmen bis-sħiħ li biex niksbu l-akbar suċċess f’dan il-pjan ta’ rkupru ekonomiku u ta’ trasformazzjoni ekonomika irridu ninvestu ferm aktar fin-nies. Irridu nfissru aktar lin-nies x’hemm lest għalina fil-futur u dak li se jkun qed iġib miegħu iż-żmien li gej. Il-poplu Malti huwa poplu ħawtiel u li dejjem għaraf kif jitħejja bi sħiħ għall-futur. Flimkien nistgħu niksbu ferm aktar suċċess. Irridu nkomplu nagħmlu l-għażliet it-tajba iżda fuq kollox irridu nagħmlu l-għażliet li jkattru l-opportunitajiet għal kulħadd. Għażliet li biħom nassiguraw li ħadd ma jitħalla lura.