Is-saħħa u s-sigurtà trid tiġi osservata f’kull post tax-xogħol irrispettivament mit-tip ta’ xogħol li jkun qed isir.
Ix-xogħol huwa parti integrali minn ħajjitna fejn inqattgħu parti sostanzjali mill-ħin tal-ġurnata tagħna. Għalhekk kull min iħaddem għandu l-obbligu li joffri ambjent ta’ xogħol sigur lill-ħaddiema tiegħu. Mill-banda l-oħra, kull ħaddiem għandu d-dmir jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tiegħu nnifsu kif ukoll ta’ persuni oħra li jistgħu jiġu affettwati bix-xogħol li jkun qiegħed isir.
Ħafna drabi nassoċċjaw ir-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol max-xogħol fiżiku, partikolarment ix-xogħol tal-kostruzzjoni peress li dan iġib miegħu aktar perikli u riskji minn xogħlijiet oħra. Madanakollu, jeħtieġ li wieħed jifhem li s-saħħa u s-sigurtà trid tiġi osservata f’kull post tax-xogħol irrispettivament mit-tip ta’ xogħol li jkun qed isir. Illum il-ġurnata pereżempju qed issir enfasi kbira fuq l-importanza tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol minħabba li n-nies qed jaħdmu ħinjijiet itwal u minħabba l-istress tax-xogħol fost raġunijiet oħra. Marbut ma’ dan is-suġġett, din il-ġimgħa attendejt summit fi Stokkolma, l-Isvezja organizzat mill-Presidenza Svediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bit-tema “Occupational Safety and Health Stocktaking Summit”.
Dan is-Summit laqqa’ madwar 300 delegat fosthom politiċi u uffiċjali mill-Istati Membri kollha u esperti tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Is-Summit Ewropew dwar is-Saħħa u s-Sigurtà organizzat mill-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea kellu bħala waħda mit-temi ewlenin is-Saħħa Mentali tal-ħaddiema. Matulu sħaqt fost l-oħrajn dwar l-importanza li għandha tingħata lis-saħħa mentali tal-ħaddiema kollha u li każijiet bħal dawn għandhom ikunu ttrattati minn min iħaddem bl-akbar urġenza. Barra minn hekk, enfasizzajt li meta sid ta’ post tax-xogħol ikollu indikazzjoni ta’ problema ta’ saħħa mentali fost l-impjegati tiegħu, għandu jieħu azzjoni mill-ewwel u jkun hemm mezzi ta’ għarfien biex il-problema tiġi indirizzata. Fl-istess waqt, l-impjegati għandhom jitrawwmu fihom ħiliet ta’ kif għandhom jiffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet fil-postijiet fejn jaħdmu.
F’pajjiżna jeħtieġ li l-Gvern flimkien mas-sħab soċjali naħdmu flimkien għal aktar prattiċi tajba fil-ħarsien tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għaliex b’dan il-mod nistgħu inaqqsu r-riskji u l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Kemm min iħaddem kif ukoll il-ħaddiema jeħtieġ li filwaqt li jkunu konxji ta’ dawn il-prattiċi, jimxu b’mod konformi magħhom.
Sa mit-twaqqif tagħha 20 sena ilu l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, ħadmet qatigħ biex toħloq kampanji ta’ għarfien biex tedduka lill-ħaddiema u l-pubbliku inġenerali dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Fl-aħħar xhur il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għamlu numru ta’ laqgħat ma’ numru ta’ ħaddiema barranin biex jingħataw aktar għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan apparti laqgħat oħra li jsiru matul is-sena mill-istess Awtorità. Barra l-importanza tal-edukazzjoni u l-kollaborazzjoni f’dan il-qasam hemm ukoll l-aspett importanti l-ieħor, dak tal-infurzar li huwa ċentrali u kruċjali fid-dinja tax-xogħol. Fis-sena 2022 saru madwar 4,387 spezzjoni fuq il-post tax-xogħol, medja ta’ 84 spezzjoni fil-ġimgħa.
Fit-28 ta’ April, fil-jum internazzjonali għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol nedejna konsultazzjoni pubblika dwar White Paper li qed tipproponi tiġdid tal-Liġi tal-Awtorità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-liġi attwali dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ilha fis-seħħ għoxrin sena. Għaldaqstant, wasal iż-żmien li din il-liġi tkun aġġornata biex tirrifleti aħjar ir-realtajiet tal-lum fid-dinja tax-xogħol u twassal biex jissaħħaħ il-qasam leġislattiv u t-tħaddim tiegħu. B’dan il-mod ser tingħata vuċi aktar b’saħħitha lill-imsieħba soċjali biex tinkoraġġixxi parteċipazzjoni aktar attiva u l-OHSA ser titħalla tirreaġġixxi b’mod aktar effiċjenti għall-bidliet kontinwi fid-dinja tax-xogħol. Il-bidla tas-sistema ta’ pieni amministrattivi ser twassal biex l-Awtorità ikollha aktar għodod ta’ infurzar permezz tat-twaqqif ta’ Tribunal Amministrattiv relatat ma’ kwistjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà.
Dan il-proċess ta’ tiġdid fil-qafas leġislattiv tal-OHSA irrid ikun akkumpanjat minn ħidma kbira biex indaħħlu kultura favur aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.