Direzzjoni ekonomika li biha rnexxielna kull sena nagħtu żidiet sostanzjali lill-pensjonanti.

Fl-aħħar jiem fil-Parlament iddiskutejna l-abbozz ta’ liġi li se jkun qed jimplimenta l-bosta miżuri li kienu tħabbru fil-budget ta’ Ottubru li għadda filwaqt li miżuri oħra li ma kellhomx bżonn approvazzjoni mill-Parlament daħlu fis-seħħ, jew mill-għada tal-budget jew mill-1 ta’ Jannar li għadda.

Kelli l-opportunità nitkellem fl-istadju tat-tieni qari ta’ din il-liġi u fissirt dik li nqis bħala differenza skejtta fl-għażliet ekonomiċi li l-Gvern Laburista għamel fl-aħħar disa’ snin għal dawk tal-amministrazzjoni Nazzjonalista qabel l-2013. Il-problema li nara jien fl-analiżi tiegħi ta’ din id-differenza hija li l-Partit Nazzjonalista, minkejja li għaddew dawn id-disa’ snin baqa’ ma tgħallem xejn u wisq nibża’ li għadhom iħaddnu l-istess twemmin fuq id-direzzjoni ekonomiku ta’ pajjiżna.

Kelli l-opportunita nfakkar fil-Parlament li fi żmien il-kriżi finanzjarja mondjali tal-2009 u fis-snin ta’ wara, l-amministrazzjoni Nazzjonalista għażlet li tinforza fuq pajjiżna politika ekonomika ta’ awsterità qawwija li nixfet il-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin u kompliet taggrava is-sitwazzjoni mhux biss tal-familji imma wkoll tal-qagħda ekonomika tal-pajjiż.

Fakkart fiż-żjidiet kbar li l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet imponiet fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kontijiet li bdew ifaqqru lin-nies tant li l-għadd ta’ dawk li kienu qed jgħixu fil-marġni tal-faqar żdied sostanzjalment. Il-familji Maltin u Għawdxin ħassew bil-kbir din il-għafsa, bdew ifaddlu inqas u b’inqas flus għall-infieq tagħhom kellna tkabbir ekonomiku baxx ħafna u f’xi snin kienu kważi negliġibbli.

Ma kienux biss il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Iddaħħlu wkoll bosta taxxi filwaqt li miżuri tat-traħħis fit-taxxi li kienu mwegħda saħansitra fil-programm elettorali tħallew fil-ġenb u kellha tkun l-amministrazzjoni Laburista li daħlet għat-tmexxija tal-pajjiż fl-2013 li implimentathom sa mill-ewwel budget li ppreżentat ftit taż-żmien wara. Kellha tkun ukoll din l-amministrazzjoni li mill-ewwel neħħiet it-taxxa li kienu se jibdew iħallsu dawk li jaqilgħu il-minimum wage.

Il-bidla fid-direzzjoni ekonomika tal-pajjiz kienet għalhekk evidenti sa mill-ewwel jiem tal-amministrazzjoni l-ġdida Laburista tal-2013. Ridna mmorru fid-direzzjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli b’għażliet importanti biex inżidu r-ritmu ekonomiku fil-pajjiż. Nidejna skemi li jħajjru n-nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol, partikolarment lin-nisa li kienu jibqgħu id-dar wara li jkollhom it-tfal. Introduċejna c-childcare b’xejn għal kulħadd u dawn wassal biex kellna tkabbir sostanzjali fl-għadd ta’ nisa li reġgħu marru jaħdmu.

Is-snin li għaddew kienu snin fejn investejna fin-nies kemm dawk produttivi kif ukoll fl-anzjani tagħna li dejjem emminna li wara snin twal ta’ ħidma għandu jkollhom serħan mix-xogħol b’dinjità billi jingħataw pensjonijiet xierqa. Żidna l-pensjonijiet sena wara sena għal sitt snin sħaħ wara xulxin u ż-żidiet li tajna kienu dejjem ferm aktar minn dik maqbula għall-għoli tal-ħajja. Ma’ dawn iż-żidiet tejjibna bosta miżuri soċjali għall-pensjonanti li forsi ma kkontribwewx għas-sigurta soċjali, żjidiet fl-għajnuniet supplimentari, dawk għar-romol u persuni b’diżabilità.

Bis-saħħa tad-deċiżjonijiet u l-għażliet it-tajbin li għamilna, l-andament ekonomiku mill-ewwel kien beda jurina li din kienet tassew it-triq li kellna naqbdu. It-tkabbir beda jġib miegħu aktar tkabbir u bis-saħħa ta’ qagħda ekonomika b’saħħitha, b’surplus irreġistrat f’bosta snin, stajna ninċentivaw liż-żgħażagħ jixtru d-dar tagħhom u negozji jingħataw għajnuniet biex ikabbru n-negozju tagħhom.

Li ma kienetx għall-pandemija li ġabet magħhha fuq id-dinja l-akbar kriżi mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn, dan ir-ritmu ta’ tkabbir ekonomiku mingħajr l-ebda dubju kien ikomplu jkun reġistrat sena wara sena. Imma mill-2020 ‘l hawn kellna nieħdu l-miżuri kollha li kien hemm bżonn biex l-ewwel ħarisna s-saħħa tan-nies u mbagħad naraw li l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ fuq saqajha.

M’għandix dubju li kien ikun mod ieħor li kieku ma kabbarniex l-ekonomija kif kabbarniha u ġibna l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż fl-aqwa stat li qatt kienet fih. Konna b’saħħitna biżżejjed biex stajna nwieżnu lil kull qasam tal-ħajja ekonomika fil-pajjiż. Mhux biss infaqna miljuni kbar fil-qasam tas-saħħa biex ħarisna s-saħħa tal-poplu imma wkoll investejna kważi €700 miljun fin-nies billi pprovdejna l-wage supplement u żammejna lil eluf kbar ta’ ħaddiema fl-impjieg tagħhom. Tajna għajnuniet fuq il-kontijiet tad-dawl lin-negozji, ħallejna lin-negozji jħallsu aktar tard il-kontijiet dovuti ta’ taxxi, tajna għajnuniet fuq il-kirjiet tan-negozju u għadd kbir ta’ miżuri oħra.

F’hiex wassalna dan kollu? Minkejja l-pandemija illum għandna l-inqas rata ta’ qagħad li qatt kellna f’pajjiżna minkejja kull tbassir li kellna u dan huwa wkoll l-inqas rata ta’ qagħad fl-Unjoni Ewropea kollha.. Għandna l-inqas rata ta’ qagħad fost iż-żgħażagħ u fl-istess waqt qegħdin nirreġistraw l-aktar rata għolja ta’ tkabbir ekonomiku fl-Ewropa. Il-pilastru ewlieni tal-ekonomija tagħna, it-turiżmu, reġa’ beda jirkupra ġmielu u jidher li għandna prospetti sbieħ għas-sajf li ġej.

Dan kollu ksibnih u qed inkomplu niksbuħ għaliex b’direzzjoni ċara u b’għażliet għaqlin, investejna fin-nies u emminna fil-kapaċijiet u r-reżiljenza tal-poplu Malti li quddiem kull sfida iqum għall-okkażjoni u jagħti sehmu. Issa ma jdumx  ma jasal il-mument li se jkun il-poplu tagħna li jagħmel l-għażla tiegħu, għażla bejn id-direzzjoni tagħna ta’ investiment fin-nies u dik ta’ ħaddieħor li jintaxxa lin-nies u joħnoq l-attività ekonomika fil-pajjiż. Nemmen bis-sħiħ li l-poplu tagħna se jagħmel huwa wkoll l-għażla t-tajba favur partit li fil-Gvern wera bil-provi li kapaċi joħloq il-ġid u jqassmu b’ġustizzja biex jasal għand kulħadd.