Il-Partit Laburista huwa kburi bil-mod kif tul medda twila ta’ snin, kull meta kien fdat bit-tmexxija tal-pajjiż dejjem ħadem kemm felaħ biex tejjeb id-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin ħalli jkollhom livell aħjar ta’ għajxien. Gvernijiet Laburisti baqgħu magħrufin għall-mod kif ħolqu f’Malta dak magħruf bħala l-Welfare State fejn l-istat jieħu ħsieb lil kulħadd sa mit-twelid sal-mument li persuna tkun se tħalli din id-dinja.
Il-pedamenti soċjali ta’ dan il-pajjiż inbnew mill-Partit Laburista fil-Gvern tul medda twila ta’ żmien li matulhom mbagħad kompla jibni fuqhom biex wasalna fejn ninsabu llum. Konna pijunieri fl-introduzzjoni tal-pensjonijiet, f’benefiċċji soċjali għar-romol, children’s allowances, benefiċċji għall-mord u mijiet ta’ miżuri soċjali oħra li twettqu tul il-medda ta’ snin.
Kienu wkoll Gvernijiet Laburisti li ntroduċew il-paga minima nazzjonali li kompliet ukoll tissaħħaħ meta wettaqna l-wegħda tagħna li min ikun fuq paga minima ma jħallasx income tax. Wegħda ewlenija li kienu għamlu n-Nazzjonalisti li jnaqqsu l-ogħla rata ta’ taxxa għal 25% baqgħu ma wettquwhiex u kellu jkun Gvern Laburista wara l-elezzjoni tal-2013 li wettaqha.
Inkomplu nibnu fuq li wettaqna
Issa wasal iż-żmien li nkomplu nibnu fuq dan kollu ħalli l-familji Maltin ikomplu jkabbru d-dħul tagħhom u jkunu jistgħu jgħixu aħjar. Nemmnu bis-sħiħ li s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna fl-aħħar disa’ snin ta’ Gvern Laburista ksibnih għax bdilna d-direzzjoni ekonomika ta’ dan il-pajjiż minn waħda ta’ awsterita u ssikkar taċ-ċinturin li konna mdorrijin biha taħt gvernijiet nazzjonalisti għal waħda ta’ tkabbir ekonomiku li parti sostanzjali minnu kien ġej mill-fatt li investejna fin-nies, tajnihom aktar opportunitajiet li jaqilgħu aktar flus u komplejna nwieżnu lill-aktar vulnerabbli fil-pajjiż. Meta għamilna dan flimkien ma’ miżuri oħra bħat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma konna qed indawwru r-rota ekonomika tal-pajjiż b’aktar saħħa, inħoloq aktar ġid u mbagħad dan qassamnih bil-għaqal.
Proposti li jkabbru l-qliegħ tal-familji
Sa mill-ewwel jiem tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu li ġej, il-Partit Laburista diġa ħabbar sensiela ta’ proposti immirati li jkomplu jsaħħu id-dħul finanzjarju tal-familji Maltin u Għawdxin. Se tkompli tkun prijorita ewlenija ta’ Gvern Laburista li jinċentiva ix-xogħol u jippremja l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Huwa għalhekk li qed jiġi propost li fil-leġislatura li jmiss ikompli jnaqqas it-taxxi billi jitwessgħu it-tax bands tal-Income Tax. Ta’ min infakkru li l-aħħar darba li ċċaqalqu t-tax bands kien fl-2007 u l-proposta Laburista tal-lum hija tlett darbiet iktar minn dak li kien sar dakinhar. Huwa kkalkulat li b’din il-proposta biss xejn inqas minn €66 miljun se jispiċċaw fi dħul ġdid fil-bwiet tal-familji, ħaddiema u self-employed. It-tax bands se jitwessgħu għal kull kategorija ta’ ħaddiema jew familji. Barra dan qed jiżdiedu wkoll l-ammonti taċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa u din il-miżura wkoll se tħalli €24 miljun oħra fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Għax il-Gvern Laburista mexxa bil-għaqal irnexxielu jhalli aktar flus fl-idejn u b’hekk kompla jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku. Żammejna kelmitna li f’kull baġit tnaqqas il-piż tat-taxxi bħal meta tnaqqset it-taxxa fuq il-part-time u l-overtime u tneħħiet it-taxxa minn fuq il-pensjonijiet.
B’intrapriżi b’saħħithom igawdu wkoll il-familji
Il-Partit Laburista jemmen fis-sħiħ li l-familji Maltin u Għawdxin igawdu meta l-intrapriżi u n-negozji jkunu mgħejjuna huma wkoll biex jimirħu aktar, jinvestu aktar u jkomplu jiżviluppaw l-intrapriżi tagħhom. Għaldaqstant hija tassew f’waqtha li għall-ewwel darba Gvern ġdid Laburista se jkun qed inaqqas it-taxxa tal-kumpaniji u n-negozji minn 35% għal 25% u dan se jkompli jagħti nifs kbir lill-intrapriżi tagħna. Nemmnu bis-sħiħ li din il-miżura wkoll se tgħin biex jiżdiedu l-opportunitajiet tax-xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Huwa b’miżuri konkreti bħal dawn li nnisslu l-fiduċja tant meħtieġa għall-futur ta’ pajjiżna. Il-familji tagħna jimtlew b’kuraġġ meta jaraw Gvern li qed jieħu ħsiebhom u li qed jagħmel minn kollox biex itejjbilhom l-għajxien tagħhom. Ninsab konvint li l-programm tagħna se jerġa jikseb il-fiduċja tal-elettorat Malti għax se jkun ibbażat fuq ix-xewqa ta’ kull familja Maltija u Għawdxija, dak li jkollha ħajja aħjar. Malta Flimkien għal futur isbaħ għal kulħadd.