“Soċjetà li tassew timxi ’l quddiem hija dik li tgħin lil kull membru tagħha jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu jew tagħha”
Din il-ġimgħa flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, nedejna it-tieni edizzjoni ta’ programm minn Fondi Ewropej li se jagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ ħafna nies f’pajjiżna — il-Programm VASTE II.
Dan il-programm jirrappreżenta eżempju ċar ta’ kif qed nagħmlu użu għaqli u effettiv mill-Fondi Ewropej biex nibnu Malta aktar ġusta u aktar inklużiva. Għan li jiġbor fih wieħed mill-objettivi prinċipali fil-politika ta’ Gvern Laburista; li ħadt ma jibqa’ lura, anke fid-dinja tax-xogħol.
VASTE II, li għandu allokazzjoni ta’ €18-il miljun taħt l-ESF+, se jkun qed joffri tama ġdida u opportunitajiet ġodda lil dawk li, aktar minn ħaddieħor, għandhom bżonn l-appoġġ tagħna biex jintegraw fis-suq tax-xogħol: persuni b’diżabilità, gruppi vulnerabbli u persuni f’riskju ta’ faqar.
Dan mhux biss programm ta’ taħriġ jew ta’ riċerka. Huwa programm komprensiv li jinkludi servizzi professjonali ta’ appoġġ, taħriġ prattiku, kowċing u mentoring — kollu maħsub biex jagħti lil dawn il-persuni mhux biss opportunità ta’ xogħol, iżda wkoll ħiliet u kunfidenza biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti u b’dinjità.
Nemmen bis-sħiħ li soċjetà li tassew timxi ’l quddiem hija dik li tgħin lil kull membru tagħha jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu jew tagħha. U b’dan il-programm, flimkien mal-ħidma ta’ Jobsplus u l-professjonisti kollha involuti, qed nagħmlu pass importanti f’din id-direzzjoni.
Fl-istess ħin, dan il-programm jirrifletti wkoll il-ħidma konkreta tal-Gvern flimkien mal-imsieħba Ewropej tagħna biex il-Fondi Ewropej jiġu użati b’impatt pożittiv fil-komunità tagħna. Dan huwa wkoll essenzjali biex bħala Gvern, nkomplu naħdmu b’għaqal biex nwettqu l-proposti ambizzjużi tal-Programm Elettorali.
Huwa għalhekk li, bħalma qed nagħmlu f’ħafna oqsma oħra, se nibqgħu nagħmlu minn kollox biex kull ewro ta’ fondi Ewropej jasal fejn tassew hemm bżonn, biex noħolqu aktar ġid u nkomplu ntejbu l-ħajja tan-nies.
F’dan il-kuntest, nixtieq nirringrazzja lil Jobsplus u l-ħaddiema fi ħdan FONDI.eu, u lil dawk kollha li ħadmu biex wasalna għal din it-tnedija. Grazzi wkoll lil dawk il-ħaddiema, il-kowċis u l-mentors li se jkunu fuq quddiem nett biex jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ tant nies.
Nawgura li l-programm VASTE II jinfetaħ b’ġid u b’suċċess, u li nkomplu naraw stejjer ġodda ta’ suċċess u ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għal ħafna aktar nies.