“L-industrija tat-trasport u l-loġistika hija pilastru fundamentali tal-ekonomija tagħna.”

Għal pajjiż bħal Malta – gżira b’ċokon u limitazzjonijiet ġeografiċi – in-nuqqas ta’ konnessjonijiet diretti jista’ jkun ta’ sfida serja għall-kompetittività. Madanakollu, grazzi għall-ħidma komuni bejn il-Gvern u n-negozji, u bl-appoġġ anke tal-fondi Ewropej, qed jirnexxilna naħdmu flimkien biex indawru dawn l-iżvantaġġi f’opportunitajiet.

F’dan il-kuntest, kien ta’ sodisfazzjon għalija li niltaqa’ ma’ diversi operaturi f’dan is-settur waqt seminar organizzat mill-ATTO – l-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tat-Tractors u t-Trailers. Hawnhekk stajt naqsam l-aħħar żviluppi dwar is-sejħiet għall-fondi li huma miftuħa biex b’mod dirett isaħħu l-kapaċità u l-kompetittività tan-negozji Maltin u Għawdxin.

Minn Ġunju 2023 sa llum, il-Gvern nieda 10 sejħiet taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), li wasslu għal aktar minn 360 ftehim ta’ għotja u €22 miljun f’għajnuna diretta lin-negozji. Din hija xhieda ta’ kemm l-imprendituri Maltin għandhom fiduċja fil-mekkaniżmi li noffru biex jiġu megħjuna fit-tkabbir tagħhom.

Illum, seba’ skemi huma miftuħin b’opportunitajiet għal proġetti ta’ diġitalizzazzjoni, konsulenza, u tkabbir tan-negozji. Waħda minnhom hija l-iskema “Digitalise your SME”, li b’allokazzjoni ta’ €5 miljun qed tgħin lin-negozji jinvestu fl-Intelliġenza Artifiċjali, software, is-sigurtà diġitali u aktar. Dan kollu b’għajnuna ta’ finanzjament sa 50% għal Malta u 60% għal Għawdex.

Qed nindirizzaw ukoll l-isfidi speċifiċi tas-settur, bħal dawk relatati mal-kompetittività u l-internazzjonalizzazzjoni. Permezz ta’ skemi oħra, qed noffru sa €20,000 għal dawk li jixtiequ jespandu l-operat tagħhom fi swieq barranin. Kollha għandhom għan wieħed: biex in-negozju jitjieb u jkompli jikber.

F’dan il-proċess kollu, is-servizzi offruti minn Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) qed jagħtu kontribut essenzjali. Din l-aġenzija qed tipprovdi informazzjoni ċara u gwida prattika lill-imprendituri dwar il-fondi disponibbli, il-proċess ta’ applikazzjoni u l-kriterji li jridu jiġu rispettati. L-esperjenza tagħhom qed tgħin ħafna kumpaniji, żgħar u kbar, biex japprofittaw mill-opportunitajiet disponibbli b’mod effettiv u b’kunfidenza.

Minbarra l-ERDF, għandna wkoll il-Programm għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li fih aktar minn €35 miljun allokati għal negozji – b’iktar minn nofshom diġà kommessi. Dan il-programm għandu skadenza sal-2026 u għalhekk ħeġġiġt lill-benefiċjarji biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom.

Fl-istess waqt, fis-settur tat-trasport qed inħarsu lejn proġetti li jippromwovu l-mobilità sostenibbli – fosthom SMITHS, proġett nazzjonali ta’ hubs intermodali, li jiffaċilitaw trasport b’emissjonijiet baxxi u jtejjbu l-konnettività f’Malta. Investiment ieħor importanti qed isir f’sistema ITS – Intelligent Transport System – għall-monitoraġġ intelliġenti tat-traffiku fit-toroq tagħna, bil-għan li nnaqqsu l-konġestjoni u ntejbu l-ġestjoni tat-trasport f’ħin reali.

Fl-istess ħin, ninsabu konxji li l-ħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni titlob sforz kollettiv. Il-prinċipju “Do No Significant Harm” u l-ħarsien tas-sostenibbiltà huma kundizzjonijiet kruċjali biex kwalunkwe fond jiġi approvat. Għalhekk, l-istandards tal-emissjonijiet, l-effiċjenza tal-fuel u r-reċiklaġġ tal-vetturi għandhom ikunu fuq quddiem nett tad-diskussjoni.

L-għan tagħna huwa wieħed: li kull ewro li tirċievi Malta mill-Unjoni Ewropea jissarraf f’ġid għall-pajjiż. U dan iseħħ biss jekk ilkoll flimkien – Gvern u operaturi – inkomplu naħdmu b’għaqal, b’viżjoni u b’mod effettiv.

Nirringrazzja lil kull min qed jagħti sehem attiv biex l-ekonomija tagħna tissaħħaħ u nkompli nħeġġeġ lin-negozji biex jaħtfu l-opportunitajiet li joffru l-fondi ewropej għal aktar suċċess fil-ħidma tagħhom.